Rimonta stupenda minn Pavi Depiro

Monday, December 7, 2015, 16:43

TAZZA LOUIS BORG – IRĠIEL

minn Colin Schembri

Hibernians 42

Gżira Athleta 72

(14-13)(8-19)(10-19)(10-21)

Gżira Athleta fetħu vantaġġ komdu fl-ewwel leg tal-ewwel partita tat-tazza Louis Borg kontraHibernians meta ħarġu rebbieħa 72-42. Kien mistenni iktar minn Hibs speċjalment meta l-Athleta kellhom żewġ players titolari nieqsa għal din il-partita Michael Naudi u Roderick Vella. Għal dan in-nuqqas patta l-Olandiż Daan Wiersum li kellhu l-aħjar partita s’issa u Adrian Micallef għamel xogħol siewi taħt il-board meta kellhu diversi rebounds. Hibs kellhom shooting żbaljat immens speċjalment fit-tieni u t-tielet sessjoni u minn hemm Athleta bdew jibnu l-vantaġġ tagħhom. Il-partita bdiet missielta biż-żewġ timijiet iwieġbu lil xulxin. Hibs ħadu vantaġġ ta’ basket wara trippla ta’ Kieron Caruana però Athleta wkoll wieġbu bi trippla minn Billy Zammit.  Żewġ baskets minn Wiersum u ieħor minn Ivan Buldakov ħallew lil Athleta fuq quddiem però Caruana għamel it-tieni trippla għal Hibs li temmew l-ewwel sessjoni minn fuq 14-13. Athleta fetħu t-tieni perjodu bi break qasir ta’ 6-2 b’punti minn Wiersum u Micallef. Hibs baqgħu viċin meta kellhom il-punti ta’ Marco Matijevic li għamel l-erba’ baskets tagħhom f’din it-taqsima. Però minn hemm ‘l quddiem kien hemm biss il-punti minn Athleta li komplew b’run tajba ta’ 11-0 fejn kellhom it-trippli ta’ Nikolai Lubrano u Zammit biex daħlu jistrieħu 10 minn fuq 32-22.

Fit-tielet perjodu r-reazzjoni ta’ Hibs ma waslitx hekk kif Athleta fetħu mal-ewwel bi tlett baskets konsekuttivi minn Micallef, Wiersum u Zammit. Hibs finalment wieġbu bil-punti ta’ Simon Attard però Athleta komplew b’żewġ three pointers oħra minn Zammit u Wiersum għal skor ta’ 46-25. Hibs kellhom il-punti ta’ Ryan Carabott u Stefan Vella qabel ma Wiersum għamel trippla oħra u Athleta temmew is-sessjoni 51-32 minn fuq. Fir-raba’ taqsima, Athleta bdew b’run oħra ta’ 8-2 b’punti konsekuttivi ta’ Micallef. Hibs ftit setgħu iwaqqfu l-mixja tal-Athleta li għalqu l-partita bi break ta’ 11-4 bl-aħħar 5 punti ta’ Wiersum biex ħarġu rebbieħa 72-42.

Hibs: P. Attard, M. Houmpton 4, G. Agius, L. Farrugia, S. Attard 2, I. Bonett, K. Caruana 6, R. Carabott 5, K. Sultana 2, S. Vella 2, F. Mariani 2, M. Matijevic 19.

Gżira Athleta: F. Mifsud Bonnici, D. Wiersum 28, I. Buldakov 5, B. Zammit 14, A. Micallef 13, N. Lubrano 11, S. Vincic, M. G. Montaldo 1.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Teemu Helenius.

Pavi Depiro 76

Bupa Luxol 66

(11-27)(22-13)(28-15)(15-11)

Pavi Depiro wettqu rimonta mill-aqwa fejn ġew lura minn żvantaġġ ta’ 24 punt fit-tieni taqsima u rebħu l-partita b’vantaġġ ta’ 10 punti 76-66. Luxol reġgħu kienu mingħajr William Ahlberg u Jean Paul Bonnici għalkemm kellhom lura lil Stefan Capello. Il-partita bdiet bil-Luxol jieħdu l-vantaġġ meta kellhom il-baskets minn Jean Paul Schembri u Colt Fason. Depiro wieġbu bil-punti ta’ Michael Nwelue u Kurt Xuereb però Fason kellhu tlett baskets konsekuttivi għal skor ta’ 16-4. Depiro komplew isibu diffikulta li jagħmlu l-punti tant lil Luxol komplew b’run oħra ta’ 11-3 b’aktar punti ta’ Fason flimkien ma’ CJ Cordina u Marco Mercieca biex temmew l-ewwel taqsima fuq quddiem 27-11. Fl-ewwel ħinijiet tat-tieni sessjoni l-andament tal-partita baqa’ l-istess hekk kif Luxol komplew iżidu l-vantaġġ bil-punti ta’ Cordina u Fason għal skor ta’ 38-14 – vantaġġ massimu ta’ 24 punt. F’daqqa waħda però Luxol waqfu jilagħbu hekk kif kellhu wkoll jinbidel Fason bit-tielet foul. Depiro sabu r-ritmu u dlonk għaqqdu run ta’ 15-0 b’diversi punti ta’ Nwelue, Xuereb u Andrew Awuilina. Cordina finalment waqqfilhom din ir-run iżda qabel l-intervall, Depiro kisbu 5 punti oħra biex il-vantaġġ ta’ Luxol niżel għal seba’ punti 33-40.

Wara l-intervall Depiro komplew bir-rimonta tagħhom hekk kif bil-punti ta’ Nwelue u trippla u basket ta’ Timothy Zammit ġabu l-iskor indaqs 44-44. Luxol ħadu ftit tan-nifs bil-punti ta’ Fason però l-Amerikan għamel ir-raba’ foul u kellhu jerġa jinbidel u aktar tard spiċċa fouled out ukoll Mercieca. Depiro ħadu l-vantaġġ bil-punti kontinwi ta’ Nwelue flimkien ma’ Zammit u Xuereb biex temmew it-taqsima 61-55 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni kien hemm punti fuq kull naħa qabel ma Depiro għamlu run oħra ta’ 7-0 bi trippla ta’ Aquilina. Fason għamel l-aħħar punti ta’ Luxol iżda kienu Depiro li rebħu l-partita 76-66.

Pavi Depiro: J. Attard 1, D. Farrugia 6, J. Camilleri, D. Schembri 6, A. Aquilina 11, N. Grech, T. Zammit 12,  M. Mallia 2, V. Vlachos, K. Xuereb 11, M. Borg, M. Nwelue 33.

Bupa Luxol: CJ Cordina 16, C. Fason 31, J. Willoughby 2, S. Visser 2, J.P. Schembri 9, K. Dimech, T. Paris 2, M. Mercieca 4, S. Cappello.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Teemu Helenius.

Floriana Cafè Del Mar 73

 

Mellieħa Mr. Green 51

(21-4)(8-23)(31-11)(13-13)

Il-polza laqqgħet lil Floriana Cafè Del Mar kontra Mellieħa Mr. Green li kif għamlu fis-snin li għaddew reġgħu ipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni. Floriana kellhom nieqsa lil Abraham Portelli u Omar Shamala fil-waqt li Mellieħa kienu mingħajr Matthew Cauchi u Bernard Soler. Kif mistenni, Floriana ħarġu rebbieħa però Mellieħa kellhom wirja tajba speċjalment fit-tieni sessjoni fejn għal xi ħin kienu punt biss ‘l bogħod mill-avversarji. Floriana ħadu vantaġġ sa’ mill-ewwel minuti fejn kellhom il-punti ta’ Chad Patus u Anton Axiaq fost l-oħrajn. Huma kellhom run ta’ 11-0 u wara basket ta’ Robert Loporto għal Mellieħa, Floriana kellhom sitt punti oħra minn Nikola Vasovic u Lee Ross għal skor 21-4. Fit-tieni perjodu, kien hemm bidliet fit-team Furjaniż u Mellieħa kellhom lil Steve Sammut f’mument mill-aqwa. Fil-fatt kien Sammut waħdu li għamel run ta’ 10-0 b’żewġ three pointers u waslu sa’ punt il-bogħod 24-25. Qabel l-intervall kien hemm il-punti ta’ Patus u Floriana daħlu jistrieħu basket minn fuq 29-27.

Fil-ftuħ tat-tielet perjodu il-punti ġew fuq iż-żewġ naħat fejn Mellieħa kellhom trippla oħra minn Ian Terribile. Floriana mbagħad għaddew biex għamlu run qawwija ta’ 22-3 b’Nigel Sultana jkollhu diversi punti flimkien ma’ Vasovic u Patus għal skor ta’ 60-38. L-aħħar sessjoni kompliet bl-istess andament u Floriana kellhom il-punti ta’ Clayton Calleja biż-żagħżugħ Neil Muscat ikollhu trippla għal Mellieħa. Floriana rebħu l-partita 73-51 biex b’hekk jibdew it-tieni leg għada b’vantaġġ ta’ 22 punt.

Floriana Cafè Del Mar: C. Patus 21, L. Ross 6, N. Sultana 10, S. Borg 6, N. Vasovic 13, C. Calleja 6, A. Axiaq 5, A. Micallef Trigona 4, N. Andrejevic 2.

Mellieħa Mr. Green: N. Muscat 5, S. Sammut 23, I. Terribile 11, C. Grixti 2, R. Loporto 4, B. Aquilina, D. Miani, E. Lupo 6, P. Magro.

Referees: Emanuel Mangani, Alfred Carbonaro, Teemu Helenius.





Leave a comment