Rimonta stupenda minn Loyola tpoġġihom fil-finali kontra Luxol

Tuesday, November 6, 2012, 8:24

minn Colin Schembri

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD NISA

 

 

Alyssa Ashley Loyola 50
Hibs 40

(2-21)(11-8)(16-3)(21-8)

 

Depiro vs Luxol

Depiro vs Luxol

Fit-tieni minuta tat-tieni sessjoni, Hibs kienu 27-2 minn fuq kontra Alyssa Ashley Loyola.  Fit-tielet minuta tal-aħħar sessjoni, Loyola kienu 34-32 minn fuq. Din kienet l-istorja ta’ din il-partita fil-qosor, partita li bdiet bid-dominju tal-Pawlisti li pero’ spiċċat bil-ferħ tal-Loyola li waslu fil-finali tas-Saint James Hospital Shield għat-tieni sena konsekuttiva. Loyola ma setgħux jinkludu lil Amerikana Brietta Thomas li weġġat fl-All Star Game waqt l-inawgurazzjoni tal-art il-ġdida. Huma kellhom nieqsa wkoll lil Beverie Sultana fil-waqt li Hibs kienu mingħajr Nadia Mifsud. Kienu Hibs li kellhom bidu mil-aqwa bil-Loyola ma jirnexxielhomx jagħmlu punti wara l-ewwel 7 minuti u Hibs kienu 15-0 minn fuq. Wara li Denise Said Hollier għamlet l-uniċi punti ta’ Loyola minn freethrows, Hibs għamlu 6 punti oħra għal skor ta’ 21-2. Il-bidu tat-tieni perjodu kompla bl-istess andament bi lett baskets ta’ Hibs minn Julia Scerri u Maria Desira għal skor ta’ 27-2. Hawn Loyola għamlu l-ewwel reazzjoni tagħhom bi break ta’ 11-2 pero’ fl-intervall Hibs kienu għadhom 16 minn fuq 29-13.

Wara l-mistrieħ Hibs sfaxxaw għal kollox u għamlu 16 –il turnover fit-tielet sessjoni. Loyola bdew japprofittaw minn nuqqasijiet tal-avversarji u bdew b’run ta’ 11-1 u naqqsu d-distakk għal 6 punti 24-30. Elena Cassar għamlet l-uniku basket tal-Hibs qabel ma Loyola għamlu 5 punti oħra u fi tmiem il-perjodu kien hemm biss three pointer bejn iż-żewġ timiet – Hibs 32 Loyola 29. Pero’ it-team imexxi minn Alex Farrugia, ma damx wisq biex ħa l-vantaġġ għax appena għaddew 3 minuti mil-ftuħ tar-raba’ perjodu, basket ta’ Kristie Tonna poġġa lil Loyola fuq quddiem 34-32. Għal xi ħin, Hibs bdew jirrispondu għal baskets tal-avversarji tagħhom speċjalment minn Antoinette Borg. Fis-seba’ minuta, Loyola kienu punt minn fuq 41-40 pero’ fl-aħħar żewġ minuti kien hemm biss punti ta’ Loyola f’run ta’ 9-0 biex rebħu l-partita 50-40.

           

Alyssa Ashley Loyola: P. Montanaro, J. Doughty 1, M. Gatt 2, D.Said Hollier, K. Tonna 15, A. Bonanno 7, J. Mangion 7, SJ Barbara 18, F. Camilleri

Hibs: J. Scerri 8, E. Cassar 2, R. Scerri, L. Bezzina, F. Mifsud, M. Desira 10, K. Gatt, A. Borg 10, E. Micallef, J. Borg Cardona 10, L. Micallef.

Referees: Clive Terribile, Alfred Carbonaro.

 

Depiro 51
Luxol 54

(13-14)(11-12)(17-11)(10-17)

 

It-tieni semfinali laqqgħat kontra xulxin żewġ timijiet oħra li mistennija jkunu fost l-isfidanti għar-rebħ tal-unuri – Depiro u Luxol. Għal Depiro kien hemm id-debutt ta’ Emma Moore u Beverlee Zammit fil-waqt li għal Luxol kienet nieqsa Martina Darmanin. Miż-żewġ akkwisti l-ġodda ta’ Depiro, kienet Zammit li sabet postha mal-ewwel ħamsa u lejn it-tmiem kienet ferm viċin li tati rebħa lil Depiro. Wara li Depiro ħadu vantaġġ minimu fl-ewwel 3 minuti, Luxol għamlu break qasir ta’ 7-0 u f’nofs is-sessjoni kienu 9-4 minn fuq. Depiro wieġbu b’punti ta’ Samantha Brincat u trippla ta’ Steffi De Martino. In-naħa l-oħra kienet Greta Zarb li għamlet trippla għac-champions biex Luxol rebħu t-taqsima 14-13. Luxol żiedu l-vantaġġ fil-ftuħ tat-tieni sessjoni b’baskets ta’ Becky Naudi u Mandi Sciortino pero’ pronta kienet ir-risposta ta’ Depiro dejjem permezz ta’ De Martino. Naudi għamlet żewġ trippli wara xulxin għal Luxol flimkien ma’ freethrows ta’ Sciortino biex Luxol kabbru l-vantaġġ għal 5 punti 26-21. Qabel l-intervall Depiro naqqsu d-distakk wara basket ta’ Brincat bex Luxol kienu basket minn fuq 26-24.

Fit-tielet sessjoni Depiro reġgħu ħadu l-vantaġġ wara 4 minuti bi freethrows ta’ Brincat u De Martino b’ta l-ewwel tagħmel trippla. Luxol ma ċedewx u b’basket ta’ Mollie Williams u trippla ta’ Naudi biex marru punt minn fuq 35-34. Il-partita kompliet tkun missielta bid-Depiro għal darb’oħra jmorru minn fuq b’ħames punti ta’ De Martino u basket ta’ Latisha Belcher. Ir-raba’ sessjoni fetħet bi trippla ta’ Sarah Pace għal Luxol. Din kienet segwita minn żewġ baskets oħra ta’ Naudi biex Luxol fetħu vantaġġ ta’ 6 punti 47-41. Ir-reazzjoni ta’ Depiro ssarfet f’żewġ trippli ta’ Zammit li poġġew lil Depiro minn fuq 51-50 fid-disa’ minuta. Pero’ fl-aħħar minuta, Sciortino u Williams għamlu 4 punti għal Luxol li tawhom ir-rebħa 54-51.

 

Depiro: E. Moore, G. Mifsud, F. Biancho 5, S. Brincat 12, M. Bonnett, S. De Martino 19, M. Mifsud, M. Scicluna, L. Belcher 8, A. Mifsud 1, S. Micallef, B. Zammit 6.

Luxol: S. Pace 6, M. Sciortino 9, C. Medina, B. Naudi 15, J. B. Gaerty, G. Zarb 11, P. Ellul, M. Williams 11, D. Muscat, K. Portelli 2.

Referees: Emanuel Mangani, Steve Gouder

 





Leave a comment