- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Rimonta stupenda minn Gżira Athleta tpoġġijhom fis-semifinali

Posted By sportinmalta1 On January 29, 2018 @ 9:11 pm In Basketball,Featured | No Comments

Bank of Valletta Knock-out Irġiel

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 86

Cynergi Depiro 79

(12-29)(22-19)(24-14)(28-17)

Gżira Athleta avvanzaw għas-semifinali tal-Bank of Valletta Knock-out meta wara wirja qalbiena għelbu lil Cynergi Depiro 86-79 fi tmiem ta’ partita mill-isbaħ. Athleta kienu diġa mingħajr Francesco Mifsud Bonnici u Ivan Mitrovic u tilfu wkoll lil Michael Naudi fit-tieni sessjoni u kellhom distakk ta’ 17 –il punt fi tmiem l-ewwel sessjoni. Però l-grinta u l-qalb ta’ players bħal Peter Shoults Omar Said u Billy Zammit flimkien mal-klassi tal-Amerikan Jon Feiler u l-enużjażmu taż-żagħżugħ Nathan Xuereb wassal biex Athleta jegħlbu dawn l-ostakli kollha. Depiro, kienu minn fuq għal ħin twil però fid-difiża kienu statiċi u ħallew ħafna spazji lis-shooters tal-Athleta. Il-coach tagħhom ukoll ħa ċertu deċiżjonijiet li waqqfulhom ir-ritmu bħal per eżempju l-bidla ta’ Kurt Xuereb li kien qiegħed ikollhu prestazzjoni mill-aktar posittiva. Depiro li kellhom nieqes lill-Amerikan Lene Duckinson, kellhom l-aħjar bidu tal-partita fejn wara parita ta’ 8-8, huma kellhom run qawwija ta’ 17-2 fejn bdew jaqbdu lill-Athleta bil-fast breaks u kellhom ukoll trippla ta’ Andrew Aquilina.

Ritratt: Wally Galea

Athleta rrispondew biss b’żewġ baskets ta’ Feiler però punti minn Dominic Scafidi raw lil Depiro jtemmu s-sessjoni 29-12 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu Athleta naqqsu d-distakk b’żewġ trippli minn Said u Naudi b’dan tal-aħħar jinbidel ftit tal-ħin wara. Depiro wkoll wieġbu bi trippla ta’ Xuereb però Feiler beda jiddomina taħt il-boards u punti konsekuttivi tiegħu naqqsu d-distakk għal 11 –il punt 32-43. Scafidi reġa żied il-vantaġġ ta’ Depiro bi trippla u fl-intervall huma kienu 48-34 minn fuq.

Fit-tielet taqsima, Athleta ħarġu tajjeb  bdew b’run ta’ 9-0 bi trippla ta’ Shoults u f’temp ta’ ftit minuti kienu diġa naqqsu d-distakk għal basket 50-52. Zloh għajjat time-out malajr u Depiro reġgħu għamlu 6 punti mingħajr risposta minn Scafidi u David Bugeja qabel ma Shouls reġa’ naqqas id-distakk bi trippla oħra. It-taqsima ntemmet bi three pointer stupend ta’ Billy Zammit minn nofs il-court li ressaq lil Athleta 4 punti ‘l bogħod però aktar imlijhom b’ħeġġa u Depiro dehru demoraliżżati. Fil-fatt Athleta fetħu l-aħħar taqsima b’erba’ three pointers, 2 minn Shoutls flimkien ma’ Zammit u Said u l-punti ta’ Xuereb biex marru fuq quddiem 73-67. Issa kienu Depiro li riedu jiġru wara r-riżultat u għamlu dan bil-punti ta’ Bugeja u Xuereb però kull darba li resqu viċin, Athleta rrispondew. L-aħħar sforz ta’ Depiro wasal b’żewġ three pointers konsekuttivi minn Xuereb u David Camilleri u waslu sa’ 3 punti 79-82. Huma għamlu l-fouls biex iwaqqfu l-arloġġ però Said ma żbaljax mill-free-throw line biex Athleta ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 86-79.

Gżira Athleta: M. Naudi 6, B. Zammit 10, P. Shoults 21, L. Stefanovic, O. Said 13, N. Xuereb 3, S. Vincic, J. Feiler 33.  

Cynergi Depiro: D. Bugeja 18. D. Camilleri 6, A. Aquilina 5, N. Grech, A. Attard, M. Mallia 2, K. Xuereb 23, M. Borg, D. Scafidi 25.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Tuomas Mantere.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/rimonta-stupenda-minn-gzira-athleta-tpoggijhom-fis-semifinali/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.