Rimonta Pawlista li tpoġġihom fl-ewwel post

Monday, August 26, 2013, 14:22

Minn Robert Busuttil


Hibernians ……3

Valletta ………..2


Il-logħba prinċipali tat-tieni ġurnata rat lil Hibernians joħorġu rebbieħa fuq Valletta sabiex saru l-uniku tim li rebaħ żewġ logħbiet f’dan il-Kampjonat u jinsabu liders assoluti b’sitt punti.

Kienet logħba taż-żewġ uċuh bil-Beltin ferm tajbin fl-ewwel taqsima iżda li mbagħad intfew fit-tieni waħda sabiex  assistejna għar-rimonta Pawlista.

Valletta mal-ewwel bdew tajjeb u fit-22 minuta fetħu l-iskor meta DENNI ROCHA DOS SANTOS fajjar xutt minn barra l-kaxxa li ħasad għal kollox lil gowler Muscat.

Il-Pawlisti dehru maħsuda għal kollox u l-Beltin ħadu l-inizzjattiva sabiex irduppjaw l-iskor meta HAMZA BARRY fit-30 minuta xeħet xutt bomba u b’difensur ta’ Hibs ixellef il-ballun dan qarraq għal kollox b’Mario Muscat sabiex għamilhom 2-0.

Kulħadd ħaseb li kienet ġejja xi goleada Beltija meta kien għad fadal aktar minn siegħa logħob.

Iżda ma kinux tal-istess parir Hibernians li bdew joħolqu l-ewwel azzjonijiet lejn il-lasti ta’ Marino u f’waħda minnhom naqsu l-iskor. Wara li Andrew Cohen falla għal ftit, kien fit-43 minuta li ZORAN LEVNAIC skorja bir-ras wara kross ferm tajjeb ta’ Jackson Lima.

Tliet minuti wara Valletta spiċċaw b’għaxar plejers għat-tieni logħba konsekuttiva meta tkeċċa Denni wara battibekk ma’ Ryan Camilleri.

Bdiet it-tieni taqsima u Hibernians ħasdu lil Valletta meta fid-49 minuta Ryan Camilleri ta pass preċiż lejn EDISON LUIS DOS SANTOS li b’intelliġenza kbira ta’ attakkant pur li hu għeleb lil Marino sabiex ġab id-dro għat-tim tiegħu.

Madankollu Marino kien prominenti meta salva tliet darbiet il-lasti tiegħu minn xuttijiet ta’ Andrew Cohen, Bjorn Kristensen u Jackson Lima.

Fis-76 minuta żball difensiv Belti ippermetta lil JEAN PAUL FARRUGIA li approfitta minn ħarġa ħażina ta’ Marino u wara li kkontrolla tajjeb xeħet il-ballun fix-xibka għal  vantaġġ Pawlista.

Il-Beltin ippruvaw iġibu l-gowl tad-dro drammatiku pero’ b’għaxra min-nies sabuha ferm diffiċli biex jieħdu xi ħaġa minn din il-logħba.





Leave a comment