Rimonta minn Depiro tagħtihom l-unur

Monday, March 21, 2016, 22:38

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL U/23 NISA

minn Colin Schembri

Luxol 45

Depiro 48

(15-6)(18-18)(0-9)(12-15)

Depiro rebħu l-kampjonat ta’ taħt it-23 sena għal dan l-istaġun meta fil-finali għelbu lil Luxol 48-45 f’partita kumbattuta. Luxol waslu sal-finali mingħajr telfa u f-semifinali għelbu lil Athleta  fil-waqt li Depiro għelbu lil Hibs. Il-partita kellha żewġ svolti nteressanti bl-ewwel waħda tkun fil-bidu tagħha meta kienu Luxol li għamlu run ta’ 13-0 mibdija bit-trippli ta’ Steffi De Martino u Paula Ellul b’De Martino jkollha diversi punti oħra. L-ewwel punti ta’ Depiro waslu minn Claudia Camilleri u wara basket ieħor ta’ De Martino għal Luxol, Depiro komplew b’żewġ baskets ta’ Maria Bonett għal skor ta’ 15-6 favur Luxol. Fit-tieni sessjoni Luxol baqgħu fuq quddiem bil-baskets ta’ Martina Darmanin u Ellul. Depiro wieġbu bi trippla ta’ Gaby Mifsud però Luxol ukoll wieġbu bi three pointer minn Nicole Agius. Wara punti ta’ Claire Ciantar għal Depiro, Luxol għamlu l-ħames punti oħra biex daħlu jistrieħu disgħa minn fuq 33-24.

It-tieni svolta tal-partita waslet fit-tielet taqsima hekk kif Depiro ħallew lil Luxol mingħajr l-ebda punti b’difiża soda fejn Luxol ma setgħux isibu l-basket u wettqu wkoll diversi turn-overs. Depiro kellhom disa’ punti maqsuma bejn Bonett u Mifsud biex ġabu l-iskor indaqs 33-33 u l-aħħar taqsima kienet deċisiva. Luxol irritornaw għal punti minn Darmanin u trippla t’Agius biex marru ħamsa minn fuq. Ir-risposta ta’ Depiro ġiet minn żewġ trippli konsekuttivi minn Martina Scicluna u Mifsud. Luxol reġgħu ħadu l-vantaġġ però Depiro għamlu sitt punti konsekuttivi bi trippla minn Justine Xuereb. Luxol irnexxielhom iġibu l-iskor indaqs għal darb’oħra permezz ta’ De Martino però Gaby Mifsud għalqet il-partita bl-aħħar tlett punti biex Depiro rebħu l-partita u l-kampjonat. Fi tmiem il-partita s-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ppreżenta t-tazza lil captain ta’ Depiro Gaby Mifsud.

Luxol: Nicole Agius 10, Oceane Visser, Monique Caruana, Ina Baena  Medina, Steffi De Martino 23,  Christina Sollami, Abigail Calleja, Paula Ellul 6, Noelene Vella, Martina Darmanin 6, Christine Curmi.

Depiro: Andrea Mifsud, Gaby Mifsud 11, Mante Balzaraviciute, Maria Bonett 10, Claudia Camilleri 8, Laura Vella, Martina Scicluna 5, Justine Xuereb 3, Claire Ciantar 11.

Referees: Alfred Carbonaro, Jennifer Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.





Leave a comment