Rekord Pawlist Mija fil-Mija

Monday, September 23, 2013, 10:35

Minn Robert Busuttil


Hibernians …….1

Birkirkara……….0


Għalkemm għadu daqshekk kmieni fl-istaġun u għalkemm għaddew biss ħames logħbiet diġa bdiet tinstema tidwi l-mistoqsija retorika: Min se jwaqqaf lil Hibs?

Huma żammew ir-rekord ta’ mija fil-mija fil-riżultati li jitkellmu waħedhom: ħames rebħiet minn ħames logħbiet, tnejn minnhom kontra Valletta u proprju Birkirkara!

Min-naħa tal-Istripes, dawn kienu qegħdin jdabbru l-ewwel telfa tal-istaġun u kellhom l-isfortuna li jitilfu lil Bissi da Silva wara li ġie mkeċċi biex b’hekk kellhom jilagħbu t-tieni taqsima kollha bi plejer anqas.

Fl-ewwel nofs siegħa ħafna mil-logħob żvoġa f’nofs il-grawnd u b’riżultat ta’ dan il-gowlers Justin Haber għal Birkirkara u Mario Muscat għal Hibs bilkemm daħlu fl-azzjoni.

Iżda mat-tokki tal-31 minuta, id-diska tal-logħba nbidlet kompletament hekk kif il-Pawlisti fetħu l-iskor. Kien kross tal-Brażiljan Marcelo Dias li sab lil Andrew Cohen li b’intelliġenza liema bħalha waqqaf il-ballun lil JACKSON DI LIMA SIQUEIRA li b’xutt tipiku tiegħu għeleb lil Haber. Għal Jackson Lima dan kien it-tieni gowl li skorja fil-Kampjonat Premier.

Qabel ma spiċċat it-tieni taqsima, Birkirkara spiċċaw b’għaxar plejers meta Matheus Bissi da Silva ġie mkeċċi wara t-tieni karta s-safra.

Fit-73 minuta, il-Pawlisti għal daqsxejn m’għamluhomx tnejn meta minn kross ta’ Jackson Lima, id-difensur Karkariż Alejandro Mendoza kien se jikkometti awtogowl klassiku meta kien se jantiċipa lil Cohen.

Fis-76 minuta xutt tajjeb ta’ Paul Fenech għal Birkirkara ra lil gowler veteran Mario Muscat jsalva b’mod tajjeb.

Min-naħa l-oħra l-aħħar azzjoni waslet min-naħa Pawlista meta fit-80 minuta Matthew Bartolo fajjar xutt minn barra l-kaxxa u sab lil Haber attent.

Madankollu Hibernians baqgħu jikkontrollaw is-sitwazzjoni sat-tmiem sabiex irreġistraw rebħa tajba kontra c-Champions u jinsabu bir-riedni f’idejhom almenu għal ġimgħa oħra.

 




Leave a comment