- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Regatta: Jittellghu l-Poloz Ta Jum il- Vittorja

Posted By Sportinmalta On September 5, 2014 @ 4:09 pm In Featured,Regatta | No Comments

Fil-jiem li għaddew, fil-baċir li għadu kemm ġie inawgurat f’Bormla, waqt konferenza tal-aħbarijiet  ttellgħu l-poloz tar-Regatta ta’ Jum il-Vittorja. Il-Port il-Kbir għal darb’oħra ser joffri sfond għal din ir-regatta li fiha ser jieħdu sehem 7 distretti li huma: il-Birgu, Birżebbuġa,  Bormla, l-Isla, il-Kalkara, il-Marsa u Marsamxett.  Huma jipparteċipaw f’għaxart itlielaq f’żewġ kategoriji differenti; A u B. Din is-sena mistennija jieħdu sehem 120 qaddief li magħhom jiżdiedu 25 sostitut li għandhom għan komuni, li huwa dak li jirbħu s-shield tar-regatta ta’ Jum il-Vittorja.

 

Tradizzjonalment, id-dgħajjes li jintużaw humafrejgatini, kajjikki, dgħajjes tal-pass u tal-midalji. Dawn id-dgħajjes huma esebizzjoni ħajja ta’ sengħa li kull ma tmur qiegħda tintilef.  Dan għaliex dawn id-dgħajjes huma wkoll mibnija f’pajjiżna. Oriġinarjament, id-dgħajjes kienu tal-istess għamla bħal dawk li kienu jintużaw fil-ħidma ta’ kuljum mill-barklori, madanakollu maż-żmien saru xi modifikazzjonijiet sabiex dawn ikunu aktar utilizzati bħala dgħajjes tat-tlielaq.

 

Minbarra l-poloz tal-korsiji għall-10 itlielaq, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet indirizza lil dawk preżenti, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u Sport Chris Agius, li sostna li għandu diversi proposti sabiex ir-regatta issir waħda aktar popolari.  Fost l-oħrajn li jitnaqqas il-ħin għaliex ħames siegħat huma wisq għall-attività sportiva u li fil-ġurnata tar-regatta ma jkun hemm l-ebda attività sportiva oħra.  Is-Segretarju Parlamentari saħaq li għalkemm il-pika sportiva hija waħda importanti, jiddeplora inċidenti li jistgħu jinqalgħu kemm bejn il-qaddiefa u anke bejn il-partitarji.

 

Tkellem ukoll iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport li fakkar il-memorja ta’ Teddie Borg; personaġġ sinonimu mal-isport tal-baħar u anke mar-regatta.  Huwa kompla jgħid li għalkemm dan huwa avveniment tradizzjonali, wieħed irid jifhem li l-qaddiefa huma wkoll atletli li jagħmlu sagrifiċċji sabiex jipprattikaw din id-dixxiplina.

 

Waqt il-konferenza tkellmu wkoll Mark Cutajar rapreżentant tal-KMS u s-Segretarju tal-Għaqda Regatta Nazzjonali Anthony Caruana.  Intant ir-Regatta ta’ Jum il-Vittorja pjanata li tibda fis-12.30pm.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/regatta-jittellghu-l-poloz-ta-jum-il-vittorja/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.