- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Referees u uffiċjali fil-Ġermanja għas-seminar annwali

Posted By Sportinmalta On August 1, 2018 @ 12:31 pm In Featured,Football | No Comments

Iċ-Ċentru tar-Refereeing fi ħdan il-Malta Football Association għadu kemm organizza s-seminar annwali ta’ qabel il-ftuħ tal-istaġun għall-uffiċjali tal-logħba fil-kategorija Elite, liema seminar sar fil-belt Ġermaniża ta’ Duisburg.

Taħt l-awspiċi tal-FIFA u l-UEFA, s-seminar ra l-parteċipazzjoni ta’ 43 uffiċjal u disa’ amministraturi, mmexxija mid-Direttur tar-Referees Kevin Azzopardi, u l-Assistenti Diretturi Andrè Arciola u Adrian Azzopardi.

Is-seminar kien jinkludi sessjonijiet ta’ teorija u prattika flimkien ma’ analiżi oħra marbuta mal-Laws of the Game.

L-uffiċjali preżenti għal dan is-seminar anke sarilhom il-fitness test tal-FIFA taħt is-superviżjoni tal-kowċis Ronald Zammit u Clayton Pisani.

Il-kelliem ewlieni f’dan is-seminar kien l-Instructor tal-FIFA Juan Antonio Fernandez Marin, li jokkupa l-kariga ukoll ta’ Viċi Chairman fil-kumitat tar-Referees fi ħdan il-Federazzjoni tal-Football Griega.

Sadanittant sitta mill-uffiċjali Maltin preżenti fil-Ġermanja ikkontrollaw anke xi logħbiet ta’ ħbiberija. Dan serva ukoll bħala eżerċizzju ta’ match observation għall-grupp kollu preżenti.

Ishmael Barbara, Dusan Petrovic u Mark Ciantar ikkontrollaw il-konfront bejn Poll u Rondorf, waqt li Alex Johnson, Darko Stankovic u James Muscat ingħataw il-logħba taż-żgħażagħ bejn FC Kaiserslautern u FC Hennef.

Waqt is-seminar saru preżentazzjonijiet fuq aspetti tekniċi tar-refereeing mill-Viċi Chairman tal-kumitat tar-Referees fi ħdan l-MFA, Charles Agius, kif ukoll mill-membri tal-Elite Unit, Alexander Arena, Marco Borg u Charles Micallef.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/referees-u-ufficjali-fil-germanja-ghas-seminar-annwali/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.