- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Referees jiltaqgħu mal-President ta’ Malta

Posted By Sportinmalta On January 22, 2015 @ 4:47 pm In Featured,Football | No Comments

Ir-referees li dan l-aħħar irċivew il-FIFA Badge, għamlu żjara ta’ kortesija lill-Eċċellenza Tagħha President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca. Jakkumpanjaw lil dawn l-uffiċjali kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Bjorn Vassallo u d-Direttur tar-Refereeing, Adrian Casha.

 

L-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca ferħet lill-uffiċjali u esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li tiltaqa’ ma’ wħud mill-ambaxxaturi ta’ Malta fl-isport internazzjonali.

Marie-Louise Coleiro Preca tenniet l-importanza tal-etika professjonali li ġġib magħha ħatra bħalma hi dik ta’ referee internazzjonali.

 

Is-Segretarju Ġenerali Bjorn Vassallo stqarr li d-Dipartiment tar-Refereeing hu wieħed mill-pilastri tal-MFA li fuqu tibbaża l-ħidma tagħha fil-qasam sportiv.

Bjorn Vassallo żied jgħid li l-fatt li Malta hi rappreżentata minn 16-il uffiċjal internazzjonali fuq il-Panel tal-FIFA, ifisser ħafna għall-pajjiż żgħir.

 

Id-Direttur tar-Refereeing Adrian Casha faħħar l-impenn u d-dedikazzjoni tal-uffiċjali internazzjonali li waslu fil-quċċata, u stqarr li huma mudelli adattati għar-referees żgħażagħ li għadhom fl-ewwel passi tal-karriera tagħhom.

 

Fi tmiem il-laqgħa, Adrian Casha, ippreżenta f’isem dawk preżenti, donazzjoni lill-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Colerio Preca għall-Malta Community Chest Fund, li min-naħa tagħha rringrazzjat lir-referees għal dan il-ġest sabiħ u awguratilhom aktar suċċessi u sodisfazzjon fl-isport.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/referees-jiltaqghu-mal-president-ta-malta/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.