Referee Lokali fil-Kampjonat Professjonali Brittaniku

Tuesday, November 26, 2013, 16:30

F’dan l-istaġun, minbarra d-diversi partiti internazzjonali tat-tazzi Ewropej tal-FIBA, ir-referee internazzjonali lokali tal-basketball, Bernard Vassallo, qed ikollu esperjenza ġdida fejn matul l-istess staġun qed jikkontrolla numru ta’ partiti mill-kampjonat professjonali Brittaniku, il-British Basketball League (BBL).

Fil-fatt, f’Settembru, Bernard Vassallo kien ġie mistieden sabiex jingħaqad mal-pool tar-referees elite fir-Renju Unit għall-istaġun 2013/14 u hu kien tela’ biex jagħmel il-pre season hemmhekk.

Il-BBL, li huwa kampjonat professjonali li jiġbor fih bosta talent lokali u barrani u li kiber sew fl-aħħar snin, huwa l-krema tal-basketball Brittaniku, pajiż li sforz l-impatt tall-Olimpjadi li saru Londra sena ilu, għola ferm fir-rankings tant li jinsabu mal-ewwel tnax fl-Ewropa.

Tnax-il team jikkompetu fil-BBL fejn it-teamijiet huma mibnija fuq sistema ta’ franchise, simili għall-Istati Uniti, u jiġu mistiedna biex jilgħabu fil-BBL wara li jiksbu suċċess fil-kampjonati domestiċi tal-Ingilterra jew l-Iskozja. Fil-fatt din il-ġimgħa stess tħabbar li s-sena d-dieħla il-kampjnat BBL se jikber bi skwadra oħra wara li Leeds, li bħalissa jilgħabu fl-ewwel diviżjoni Ingliża, issodisfaw il-kriterji kollha, kemm tekniċi kif ukoll finanzjarji, li kienu rikjesti biex jidħlu fil-BBL u ngħaqdu ma’ Bristol u Edinburgh biex se jkun hemm 15-il team jikkompeti fil-BBL fl-istaġun 2014/15.

Fi tmiem il-ġimgħa, Vassallo se jerġa jkun impenjat fl-Ingilterra fejn hemmhekk se jikkontrolla tliet partiti, f’daqstant ġranet, fil-BBL. L-ewwel logħba se tintlagħab f’Worcester fejn Worcester Wolves, li bħalissa qed jaqsmu l-ewwel post ma’ Newcastle u Sheffield, jiltaqgħu kontra Manchester Giants f’logħba li se tintwera diretta fuq l-istazzjon uffiċjali tal-BBL.

Fit-tieni partita Vassallo se jmur Leicester fejn hemmhekk ic-champions renjanti Leicester Riders jospitaw lil Durham Wildcats waqt li fl-aħħar partita d-destinazzjoni ta’ Vassallo se tkun Chester fejn Chesire Phoenix jilgħabu kontra l-leaders konġunti Newcastle Eagles.





Leave a comment