Rebħiet għal Gżira Athleta u Hibernians fl-ewwel ġurnata

Monday, October 23, 2017, 22:14

St. James Hospital Shield Nisa

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 71

Depiro 58

(14-12)(21-10)(20-15)(16-21)

Friski mis-suċċess fis-Super Cup, Gżira Athleta bdew l-impenji tagħhom fis-shield b’rebħa fuq Depiro 71-58. Athleta kienu mingħajr Leanne Duncan però pattiet għal dan in-nuqqas l-Amerikana Amelia Simmons li kkonfermat il-bidu ta’ staġun posittiv li għaddeja minnhu grazzi wkoll għax-xoghol siewi ta’ sħabha. Depiro li bħal fil-każ tat-team tal-irġiel se jitmexxew minn Marko Zloh, kellom ir-ritorn ta’ Tina Mifsud u l-akkwist il-ġdid Steffi De Martino ghalkemm huma tilfu lil Sam Brincat u lil Gaby Mifsud b’din tal-aħħar issa tilgħab fl-Italja fil-kampjonat tas-Serie B ma’ Pol. Libertas Calendasco.  Athleta fetħu l-partita bi trippla ta’ Beverlee Zammit flimkien mal-punti ta’ Simmons biex ħadu l-ewwel vantaġġ. Ir-risposta ta’ Depiro waslet bil-punti ta’ Claire Ciantar u Maria Bonett u żewġ three pointers ta’ Nicole Agius però ma rnexxielhomx idawwru l-iskor favur tagħhom biex Athleta temmew it-taqsima basket minn fuq 14-12. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni Athleta saħħew il-vantaġġ tagħhom b’aktar punti ta’ Simmons li kellha wkoll three pointer. Wara li Agius u De Martino rrispondew għal Depiro, Athleta kellhom run ta’ 11-0 primarjament minn Simmons flimkien ma’ Zammit u Denise Said Hollier biex daħlu jistrieħu 35-22 minn fuq.

Wara l-intervall, Depiro naqqsu d-distakk hekk kif bdew bi

Ritratt: Wally Galea

break qasir ta’ 8-2. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin qabel ma Athleta kellhom break ieħor ta’ 12-2 b’żewġ three pointers ta’ Antoinette Borg biex reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 18 –il punt 55-37. Fl-aħħar taqsima, Depiro tħabtu biex jerġgħu jersqu viċin u punti ta’ Justine Xuereb, Ciantar, De Martino u trippla ta’ Mifsud rawhom inaqqsu d-distakk għal 11 –il punt 63-52. Pero l-ħin kien favur Athleta li baqgħu jikkontrollaw tajjeb il-pussess u reggħu marru 15 minn fuq wara trippla ta’ Said Hollier. Depiro għamlu l-aħħar punti tal-partita però r-rebħa marret għand l-Athleta fuq skor ta’ 71-58.

Gżira Athleta: B. Zammit 4, M. Pollaco,  S. Pisani, A. Simmons 36, D. Said Hollier 9, A. Borg 8, J. Schembri 6, S. Vella 8, E. Pace, C. Mifsud.

Depiro: A. Mifsud, T. Mifsud 3, L. Vella, C. Camilleri, M. Bonett 7, S. De Martino 12, N. Agius 16, N. Agius, J. Mallia, J. Xuereb 10, M. Micallef, C. Ciantar 10.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Jennifer Mangani, Igor Marjanovic.

Hibernians 54

Starlites GIG 47

(15-18)(7-12)(15-11)(17-6)

Fit-tieni partita Hibs u Starlites GIG għamlu d-debutt tagħhom għal dan l-istaġun. Hibs isse se jkunu mmexxija minn Sandro Farrugia u ntroduċew lill-player Amerikana Rachel Kehoe flimkien ma’ Kaya Calleja ex-Luxol. Sam Brincat kellha tipposponi d-debutt tagħha wara injury u Farrugia nkluda wkoll diversi żagħżagħ minn nursery tal-Hibs bhal Jasmine Abela u Britney Agius. Starlites minn naħa l-oħra kkonfermaw l-iskwadra li fl-istaġun li għadda wasslithom sal-ewwel play-offs fl-istorja tagħhom bl-eċċezzjoni ta’ Josephine Grima li għal darb’oħra se tkun tilgħab fi Franza. Huma żiedu lil Hayley Acreman ex Depiro u rritornat għal logħoba wara diversi staġuni Marilou Cutajar. Starlites ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 5-0 b’basket minn Cutajar u trippla ta’ Kirsty Galea. Hibs irrispondew bil-punti ta’ Elena Cassar li kellha bidu tal-partita tajjeb ħafna però mal-ħin Starlites bdew ġejjin lura b’punti konsekuttivi ta’ Patricia Arguello, Danielle Agius u Adriana Lupo biex temmew is-sessjoni 18-15 minn fuq. Starlites komplew bil-mument tajjeb fil-ftuħ tat-tieni perjodu b’run ta’ 8-0 li għalquha bi trippla oħra ta’ Arguello biex fetħu vantaġġ ta’ 11 –il punt 26-15. Hibs waqqfulhom ir-run b’żewġ baskets ta’ Julia Scerri u Kehoe però Starlites reġgħu rrispondew bi trippla ta’ Jean Doughty biex daħlu jistrieħu 30-22 minn fuq.

Fit-tielet taqsima Hibs naqqsu d-distakk għal punt hekk kif bdew bi break ta’ 9-2 bi trippla ta’ Ema Micallef. Starlites irkupraw u kabbru l-vantaġġ bil-punti ta’ Arguello, Jaelle Micallef u Cutajar. Hibs wieġbu għal darb’oħra permezz ta’ Scerri u Kehoe però Starlites żammew vantaġġ ta’ 4 punti fi tmiem is-sessjoni 41-37. Il-ftuħ tal-aħħar taqsima kien deċisiv għall-kumplament tal-partita. Hibs għamlu break ta’ 15-0 bi Starlites maħsuda kompletament. Huma kellhom il-punti ta’ Scerri, Nicole Vella u Iona Agius b’din tal-aħħar protagonista wkoll bi 3 assists konsekuttivi. Issa kienu Hibs li kellhom vantaġġ ta’ 11 –il punt u minkejja li l-coach ta’ Starlites David Baudot daħħal fuq il-court lil Arguello u lil Galea, Starlites ma rnexxielhomx jirkupraw biex Hibs ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 54-47.

Hibernians: E. Micallef 5, E. Cassar 13, I. Agius 6, J. Abela 2, K. Portainer Mifsud, K. Calleja, N. Vella 2, K. Caruana 2, N. Farrugia, R. Kehoe 15, B. Agius, J. Scerri 9.

Starlites GIG: D. Agius 4, K. Galea 4, J. Doughty 6, S. Farrugia 5, H. Acreman, K. Pirotta 2, J. Micallef 2, E. Magrin 2, P. Arguello 15, M. Cutajar 2, S. Davies 2, A. Lupo 3.

Referees: Bernard Vassallo, Stephen Micallef, Jason Cole.





Leave a comment