Rebħiet doppji għal Luxol u Valletta

Wednesday, December 6, 2017, 9:38

Rebħiet doppji għal Luxol u Valletta li lagħbu darbtejn matul il-ġimgħa li għaddiet. Luxol akkwistaw żewġ rebħiet importanti kontra t-tim tal-Università u dak ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United rispettivament. Min-naħa l-oħra Valletta għelbu lil Pieta Nordiska u Junior College, biex baqgħu waħedhom fl-ewwel post b’punti massimi wara għaxar logħbiet.

It-tim minn St. Andrews dawwar telfa f’rebħa fl-ewwel taqsima u żamm kostanti sat-tisfira finali. L-Universitarji li kellhom wirja tajba għal ħin twil fil-logħba, fetħu l-iskor f’nofs l-ewwel taqsima permezz ta’ Jose Maria Aguilera Castellano. Iżda lejn tmiem l-ewwel taqsima Luxol dawru r-riżultat u ħadu l-kontroll tal-logħba, b’gowls ta’ Zvezdan Vukovic, Mark Zammit u Andy Mangion.

Fil-bidu tat-tieni taqsima Luxol komplew fejn ħallew qabel tmiem l-ewwel taqsima u skurjaw ir-raba’ gowl permezz ta’ George Frendo. Ftit tas-sekondi wara l-Universitarji naqsu l-iskor permezz tal-barrani l-ieħor Hermin Hasanbegovic.  Madanakollu Luxol żiedu fl-attakki tagħhom u skurjaw erba’ gowls oħra permezz ta’ Andy Mangion, George Frendo u doppjetta ta’ Frane Despotovic.

Fil-logħba l-oħra li kellhom Luxol, huma għelbu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United bl-iskor ta’ 11-3. Min-naħa l-oħra Valletta għelbu lil Pieta Nordiska u Junior College bl-iskors ta’ 6-1 u 22-0 rispettivament. Marsaskala kellhom isofru telfa oħra, din id-darba kontra Qormi bl-iskor ta’ 7-2. Mriehel ESS kisbu rebħa oħra, meta din il-ġimgħa għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor minimu ta’ 3-2.

Fil-klassifika tal-kampjonat, Valletta jibqgħu waħedhom b’punti massimi bi 30 punt, segwiti minn Luxol u Swieqi United bi 21 punt u t-tim tal-Università b’19-il punt. Mriehel ESS issa telgħu bi 18-il punt, segwiti minn Hamrun Tre Angeli għandhom 16-il punt. Pietà Nordiska baqgħu bi 15-il punt u Tarxien JMI b’disa’ punti daqs Qormi. Marsaskala wkoll baqgħu b’sitt punti, quddiem it-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United li għandhom tliet punti u t-tim tal-Junior College mingħajr l-ebda punt.

Intant nhar il-Ħamis 7/12/17 huma skedati dawn il-logħbiet:

Fit-8:00 pm L-Università ta’ Malta vs Swieqi United

Fid-9:15 pm Pietà Nordiska vs Hamrun Tre Angeli





Leave a comment