- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Rebħa mistħoqqa lit-tim nazzjonali Malti tal-futsal f’Ġibiltà

Posted By Sportinmalta On January 14, 2014 @ 11:11 am In Featured,Futsal | No Comments

Is-Sibt filgħaxija t-tim nazzjonali Malti tal-futsal rebaħ lit-tim nazzjonali ta’ Ġibiltà bl-iskor ta’ 4-2.

Din ir-rebħa waslet b’doppjetta ta’ Giancarlo Sammut u gowl kull wieħed għal Rennie Tanti u Jovica Milijic.

Preżenti fit-Tercentenary Hall kien hemm attendenza ġmielha bi grupp sabiħ ta’ Maltin li jaħdmu fi Spanja u f’Ġibiltà.

Mill-bidu tal-partita, l-Maltin kienu aggressivi u għal ħin twil żammew il-pussess tal-ballun.

Fl-ewwel taqsima, Xavier Saliba, Giancarlo Sammut u Cedric Sciberras impenjaw mhux ħażin lill-gowler avversarju.

Wara għaxar minuti logħob il-Maltin fetħu l-iskor bi frikik perfett ta’ Giancarlo Sammut.

L-unika azzjoni perikoluża għal Ġibiltà ġabet il-gowl tad-dro permezz ta’ Ian Rodriguez.

Fil-bidu tat-tieni taqsima, Ġibiltà ħarġu aktar b’saħħithom u dehru li kienu se jdawru x-xejra tal-logħob.

Wara kwarta logħob il-Maltin reġgħu ħadu l-kontroll assolut u skurjaw żewġ gowls fi ftit sekondi permezz ta’ Giancarlo Sammut u Jovica Milijic.

Mark Zammit u Brian Deguara ħadmu ħafna f’nofs il-grawnd u rażżnu l-attakki avversarji.

Ir-raba’ gowl wasal minn Rennie Tanti.

Lejn l-aħħar minuti tal-partita, Ġibiltà naqqsu d-distakk b’gowl ta’ Andrew Lopez.

Il-kowċ Kevin Mifsud kien kuntent bil-prestazzjoni tat-tim f’dawn iż-żewġ logħbiet ta’ ħbiberija.

It-tim huwa wieħed magħqud ħafna u bl-inklużjoni ta’ plejers żgħażagħ bħal Rennie Tanti, Giancarlo Sammut u Mark Zammit ikumplimentat ħafna ma’ plejers tal-esperjenza bħal Xavier Saliba u Cedric Sciberras.

Il-kontinġent Malti wera s-sodisfazzjon kbir tiegħu wara din l-esperjenza li serviet ta’ għajnuna lit-tim nazzjonali Malti qabel l-impenji internazzjonali f’Settembru li ġej għall-kwalifikazzjonijiet Ewropej.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/rebha-misthoqqa-lit-tim-nazzjonali-malti-tal-futsal-fgibilta/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.