Rebħa kbira għal Cynergi Depiro…il-partiti l-oħra jibqgħu miftuħin

Monday, December 5, 2016, 16:28

Tazza Louis Borg Irġiel

minn Colin Schembri

Fl-ewwel leg tal-kwarti tal-finali tat-tazza Louis Borg huma biss Cynergi Depiro li jistgħu jgħidu li huma ċerti minn post fis-semi-finali wara rebħa ta’ 69 punt fuq Starlites Naxxar. Il-partiti l-oħra bejn Gżira Athleta u Hibernians u Floriana MCP Car Parks u Bupa Luxol jibqgħu miftuħin hekk kif ir-rebbieħa ħadu rebħiet ta’ erba’ u ħames punti. It-tieni legs jintlagħbu il-Ħamis 8 ta’ Diċembru.

Starlites 50

Cynergi Depiro 119

(11-20)(10-37)(18-25)(11-37)

Starlites għelbu darbtejn lil Depiro aktar kmieni matul l-istaġun però f’din il-partita t-team ta’ Paul Ferrante kellhu l-aqwa wirja tal-istaġun biex kiseb rebħa kbira b’distakk ta’ 69 punt biex aċċertaw ruħhom minn post fis-semifinali. David Bugeja kellhu wirja stupenda b’41 punt però kien hemm fatturi oħra li spikkaw fosthom wirja tajba fid-difiża minn Depiro mmexxija minn Andrew Aquilina b’10 steals. Depiro bdew mall-ewwel bi break ta’ 8-0. Starlites wieġbu bi trippla ta’ Jacob Formosa però Depiro komplew bil-punti ta’ DJ Mason u Bugeja u trippla ta’ Robert Bonnici f’run ta’ 12-2 biex temmew l-ewwel sessjoni 20-11 minn fuq. Fit-tieni perjodu d-dominju ta’ Depiro baqa’ evidenti b’runs qawwija ta’ 12-2 u 19-0. Aquilina kellhu żewġ trippli flimkien mal-punti ta’ Dominic Scafidi u Bugeja li wkoll kellhu trippla biex fl-intervall Depiro kienu 57-21 minn fuq.

Fit-tielet taqsima Satrlites bdew bil-punti ta’ Nikola Stankovic u Thomas Grech. Depiro reġgħu wieġbu bi break ta’ 13-0 kollha minn Bugeja u Scafidi għal skor ta’ 72-25. Kien hemm punti fuq kull naħa minn Jacob Formosa għal Starlites u Bugeja u Bonnici għal Depiro li temmew is-sessjoni 82-39 minn fuq. L-aħħar taqsima fetħet bi break ta’ 10-0 minn Depiro li komplew jiddominaw. Stankovic wieġeb għal Starlites pero basket ta’ Bugeja għaqqad il-mitt punt ta’ Depiro qabel żewġ trippli minn Formosa. Depiro għalqu l-partita b’run oħra qawwija ta’ 19-0 biex rebħu l-partita 119-50.

Starlites: I. Mitrovic 4, I. Pace, L. Vella,  A. Schembri 2, C. Schembri, M. Falzon, A. Felice Pace 5, Z. Stankovic, J. Formosa 21, N. Stankovic 14, M. Vella, T. Grech 4.

Cynergi Depiro: N. Grech, D. Bugeja 41, R. Bonnici 18, D. Schembri 4, A. Aquilina 14, DJ Mason 11, T. Zammit 4, M. Mallia, A. Quiroz, K. Xuereb 6, M. Borg, D. Scafidi 21.

Referees: Gordon Barbara, Igor Marjanovic, Christine Farrugia.

Gżira Athleta 81

Hibernians 77

(15-20)(34-23)(12-18)(20-16)

F’partita sabiħa u bilanċjata, Gżira Athleta għelbu lil Hibernians 81-77 u l-kwalifikazzjoni f’din il-partita tibqa’ miftuħa għat-tieni partita. Athleta għal darb’oħra sofrew taħt il-boards fejn ikkonċedew 17 –il offensive rebound lill-avversarji, xi ħaġa li tiġrilhom spiss. Il-koppja Alvaro Lizaur u Marco Matijevic għal darb’oħra mexxew l-attakk ta’ Hibs flimkien ma’ Adrian Micallef. Il-punteġġ tal-Athleta kien maqsum bejn ħames players. Athleta ħadu l-ewwel vantaġġ wara trippla ta’ Peter Shoults però Hibs bdew jirkupraw bil-punti ta’ Lizaur li wkoll kellhu trippla u marru fuq quddiem.  Athleta wieġbu bil-punti ta’ Josiah Whitehead però Lizaur ħalla lil Hibs fuq quddiem 20-15. Athleta rkupraw fit-tieni taqsima meta għamlu run ta’ 10-0 però Hibs reġgħu marru minn fuq bi trippla ta’ Adrian Micallef u l-punti ta’ Matijevic. Run oħra ta’ 15-5 bi three pointers ta’ David Camilleri rat lil Athleta jiftħu vantaġġ ta’ sitt punti u daħlu jistrieħu minn fuq bl-istess distakk 49-43.

Fit-tielet taqsima, Athleta rnexxielhom jiftħu vantaġġ massimu ta’ 10 punti bil-punti ta’ Roderick Vella u Michael Naudi. Hibs ma ċedewx u għamlu break ta’ 13-2 għal darb’oħra bil-punti ta’ Matijevic u Lizaur u marru fuq quddiem però Whitehead poġġa lill-Athleta minn fuq. Micallef kellhu free-throw minn tnejn biex it-taqsima ntemmet f’parita 61-61. L-aħħar taqsima fetħet bit-three pointers ta’ Shoults u Vella u Athleta marru 72-68 minn fuq. Huma komplew b’seba’ punti oħra qabel ma Hibs għamlu l-aħħar sforz bi break ta’ 9-0 biex waslu sa’ basket ‘l bogħod. Fl-aħħar attakk kien Whitehead li għalaq il-partita fuq skor ta’ 81-77.

Gżira Athleta: M. Naudi 13, R. Vella 14, D. Camilleri 12, L. Stefanovic, P. Shoults 18, F. Mifsud Bonnici, B. Zammit, J. Bos, S. Vincic, M. G. Montaldo, J. Whitehead 24.

Hibernians: P. Attard, A. Micallef 12, L. Farrugia 7, S. Attard 3, I. Bonett, R. Carabott, M. Matijevic 23, S. Vella, F. Mariani 2, A. Lizaur 30.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Erkan Ozpolat.

Floriana MCP Car Parks 74

Bupa Luxol 69

(27-18)(12-17)(15-15)(20-19)

Simili għall-logħba ta’ qabel, din kienet ukoll partita missielta u l-kwalifikazzjoni għas-semi-finali għadha battalja miftuħa. JP Schembri fetaħ bi trippla għal Luxol però Floriana malajr wieġbu bi break ta’ 9-2 b’Chad Patus jikseb l-ewwel trippla tiegħu fil-logħba. Kien hemm aktar punti fuq kull naħa bl-Amerikan Pierce Cumpstone u William Ahlberg jiksbu l-punti għal Luxol iżda Patus u Nikola Vasovic wieġbu għal Floriana li fetħu vantaġġ ta’ 9 punti fi tmiem l-ewwel taqsima 27-18. Fit-tieni perjodu, Luxol naqqsu d-distakk għal 2 punti wara break ta’ 8-0 b’aktar punti ta’ Cumpstone u Stefan Capello. Patus wieġeb għal Floriana għal darb’oħra biex huma daħlu jistrieħu fuq quddiem 39-35.

Fit-tielet perjodu, Luxol l-ewwel irnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs 41-41 u wara ftit irnexxielhom ukoll jieħdu l-vantaġġ għal tliet darbiet wara trippla ta’ CJ Cordina u punti ta’ Cumpstone u Schembri. Madankollu trippla ta’ Patus segwita minn basket ta’ Vasovic ra lil Floriana jerġgħu jieħdu vantaġġ 54-50. Fl-aħħar taqsima Floriana żammew il-vantaġġ tagħhom wara aktar trippli minn Patus u Vasovic. Luxol ma ċedewx u reġgħu marru fuq quddiem b’aktar punti ta’ Cordina madankollu Floriana temmew il-logħba bi break ta’ 8-2 li tahom vantaġġ 5 punti għat-tieni logħba.

Floriana MCP Car Parks: C. Patus 32, S. Pace 4, S. Borg, N. Vasovic 18, C. Calleja 10, A. Axiaq 10, N. Andrejevic.

Bupa Luxol: CJ Cordina 11, D. Meli, J. Maistre Melillo, JP Schembri 13, K. Dimech, W. Ahlberg 11, P. Cumpstone 21, S. Cappello 13.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Erkan Ozpolat.





Leave a comment