Rebħa għal Sue Abela u Justin Caruana Scicluna fil-Kwalifikazzjoni għall-Kampjonati tal-Mediterran

Wednesday, January 22, 2020, 13:51

Tim Malta se jkun irrappreżentat fil-Kampjonati tal-Bowling tal-Mediterran f’Pariġi f’April minn Abela u Caruana Scicluna, flimkien ma’ Mauro Anastasi u Sara Xuereb, li t-tnejn spiċċaw it-tieni fil-kwalifiki rispettivi tal-irgiel u tan-nisa.

Il-kompetizzjoni tal-irġiel kienet waħda kkontestata sewwa matul it-tliet ijiem u l-24 logħba kienu missielta sal-aħħar.  Il-vantaġġ bikri mar għand  Mark Spiteri, madankollu Caruana Scicluna u Anastasi fethu vantaġġ fit-tieni jum,  biż-żewġ plejers iwasslu prestazzjonijiet mill-aqwa logħba wara logħba.

Fl-aħħar Caruana Scicluna għeleb lil Anastasi b’ differenza ferm zgħira ta’ 5 pin (5205-5200), it-tnejn b’medja kbira ta’ 216. Fit-tielet post spiċċa Philip Gruppetta, filwaqt li Nicholas Muscat ta’ 15-il sena kellu prestazzjoni oħra eċċellenti biex spiċċa r-raba mit-22 raġel b’medja ta’ 208.

Abela u Xuereb iddominaw il-kwalifiki tan-nisa, b’Abela ħarġet rebbieħa b’medja ta’ 207 kontra l-medja ta’ 204 ta’ Xuereb. Ta min isemmi li l-istess Abela u Xuereb kienu rebħu l-midalja tad-deheb fid-doubles fl-edizzjoni tal-Kampjonati tal-Bowling tal-Mediterran tal-2019. Melissa Swift spiċċat fit-tielet post wara li għelbet lil Cynthia Frendo Duca b’5 pin, b’medja ta’ 195 .

L-aħħar edizzjoni tal-kampjonati saru f’April li għadda, meta t-tim Malti ġab rekord ta’ 10 midalji, b’parteċipazzjoni rekord ta’ 16-il pajjiż. Il-President tal-MTBA Paul Baldacchino ddikjara li t-tim ta’ Malta se jgħaddi minn tħejjija intensiva għall-edizzjoni li jmiss.





Leave a comment