Rebħa għal Starlites GIG fl-isbaħ partita tal-ġurnata

Monday, October 8, 2018, 20:02

St. James Hospital Shield Irġiel

minn Colin Schembri

Bupa Luxol 89

Gżira Athleta 81

(15-18)(25-16)(20-18)(29-29)

Għal din il-partita, Luxol kellhom lura fl-iskwadra lil Keith Dimech u lil Dirk Schembri. Gżira Athleta kienu qiegħdin jagħmlu d-debutt staġonali tagħhom wara l-logħob fit-tazza tal-Indipendenza u l-Amerikani Vincent Pace u Carson Shanks ma setgħux jilgħabu. Luxol kellhom lis-Serb Vukassin Jandric jispiċċa b’39 punt fil-waqt li Athleta bbażaw il-logħba tagħhom fuq il-players Maltin bit-trio Peter Shoults, Nathan Xuereb u Matthew Gouder jispiċċaw b’figuri doppji. Wara bidu tajjeb minn Luxol bi trippla ta’ CJ Cordina, Athleta bdew jirrispondu biex waslu sa’ punt ‘l bogħod. Hawn Luxol kellhom sitt punti mingħajr risposta però Athleta wkoll għaqqdu run ta’ 10-2 bil-punti ta’ Alex Perunicic u Gouder biex temmew l-ewwel sessjoni 18-15 minn fuq. Fit-tieni perjodu Luxol reġgħu ħadu l-vantaġġ wara żewġ trippli minn Jandric. Athleta kellhom risposta minn Gouder u Xuereb iżda ma rnexxielhomx jerġgħu jieħdu l-vantaġġ. Kienu Luxol li temmew l-aħjar bi trippla oħra ta’ Jandric u baskets ta’ Dimech biex daħlu jistrieħu 40-34 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, bidu tajjeb minn Athleta rahom jagħmlu l-iskor indaqs 44-44. Luxol wieġbu permezz ta’ Dimech u trippli minn Jandric u William Ahlberg biex għal darb’oħra marru fuq quddiem 60-52. Fl-aħħar taqsima, Luxol dehru se jieħdu kontroll tal-partita hekk kif fetħu bi trippla oħra ta’ Ahlberg u baskets ta’ Dimech biex kabbru l-vantaġġ għal 14 –il punt. Athleta però kellhom ħsibijiet oħra hekk kif sensiela ta’ three pointers l-ewwel minn Xuereb imbagħad minn Gouder u Shoults reġgħu ressquhom viċin. Għal darb’oħra kien Jandric li kiseb punti konsekuttivi fosthom żewġ trippli oħra biex Luxol reġgħu fetħu vantaġġ rebbieħ li żammew sat-tmiem hekk kif ħarġu rebbieħa 89-81.

Bupa Luxol: CJ Cordina 5, V. Jandric 39, L. Caruana Montaldo, JP Schembri, K. Dimech 17, W. Ahlberg 10, D. Schembri 10, S. Cappello 8.

 

Gżira Athleta: F. Mifsud Bonnici, J. Wait, P. Shoults 13, L. Stefanovic, A. Perunicic 19, N. Xuereb 13, M. Gouder 23, S. Vincic, I. Mitrovic 9, M. Gauchi Montaldo 4.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Christine Xuereb.

Depiro 99

Starlites GIG 108

(25-25)(23-29)(32-21)(19-33)

F’partita stupenda, Starlites GIG għelbu lil Depiro 108-99 fejn iż-żewġ timijiet

Ritratt: Wally Galea

offrew spettaklu u ma kienux biss il-players barranin li spikkaw iżda players Maltin fuq iż-żewġ naħat kellhom ukoll wirjiet posittivi. Għal Depiro l-player Keshaun Hamilton kien biss spettaur però rritorna Andrew Aquilina fil-waqt lil għal Starlites iddebutta l-Amerikan Cameron Ward u rritornaw l-aħwa Ian Felice Pace u Alec Felice Pace. Wara bidu tajjeb minn Depiro li fih ħadu vantaġġ żgħir, Starlites għamlu run ta’ 10-0 bil-punti ta’ Nick Formosa u Ryan Carabott. Depiro wieġbu bi trippla ta’ Omar Said u l-punti ta’ Adam Chomo u l-Amerikan Trent Steen għalkemm Starlites ukoll kellhom il-punti minn Felice Pace u trippla ta’ Jordan Scotts u l-ewwel sessjoni għalqet fuq skor għoli ta’ 25-25. It-tieni perjodu kompla bl-istess andament fejn kienu Starlites li bdew iżidu l-vantaġġ speċjalment b’erba’ three pointers konsekuttivi minn Ward u Formosa u tnejn ta’ Robert Bonnici. Huma rnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ 10 punti 48-38 qabel ma Depiro reġgħu naqqsu d-distakk permezz ta’ Aquilina, Chomo u Steen għal skor ta’ 54-48 favur Starlites.

Wara l-intervall, kienu Depiro li kellhom l-aħjar bidu b’run ta’ 12-3 li poġġiethom fuq quddiem 60-57 bil-coach ta’ Starlites Paul Ferrane jieħu time-out. Dan ra lil Starlites iwaqqfu l-mument posittiv ta’ Depiro u għal darb’oħra jmorru fuq quddiem wara baskets ta’ Ward u trippla ta’ Carabott. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin u l-ispettaklu ma naqasx bid-Depiro jagħlqu t-taqsima bi break qasir ta’ 10-4 biex temmewha minn fuq 80-75. Fl-aħħar sessjoni il-players ta’ Julian Naudi kabbru l-vantaġġ għal 10 punti wara li Chomo beda jieħu diversi rebounds fl-attakk u jikkonvertijhom f’punti. Starlites ma ċedewx u kellhom risposta minn Ward, Formosa u Scotts f’run ta’ 14-4 li rathom jagħmlu l-iskor indaqs 91-91. Huma komplew jagħfsu lill-avversarji u għamlu break ieħor ta’ 8-0 qabel ma Aquilina kiseb trippla għal Depiro flimkien ma’ basket ta’ Said. Trippla ta’ Ward rat lil Starlites jaqbżu l-mitt punt u huma komplew sejrin bil-punti ta’ Scotts u Formosa biex irnexxielhom jieħdu r-rebħa fuq skor ta’ 108-99.

Depiro: J. Attard, R. Xuereb, D. Farrugia 2, A. Attard, A. Aquilina 20, N. Grech, O. Said 16, A. Chomo 30, E. Briffa, M. Borg, T. Steen 31.

 

Starlites Gig: O. Psaila, M. Azzopardi, R. Bonnici 10, I. Felice Pace. C. Ward 33, M. Falzon 2, A. Felice Pace 15, R. Carabott 7, M. Scerri, N. Formosa 20, J. Scotts 21.

Referees: Bernard Vassallo. Stephen Micallef, Ivica Simic

Hibernians 93

MSC Balkan Fusion 70

(23-6)(25-16)(22-20)(23-28)

Ic-champions Hibs ukoll bdew rebħa meta għelbu lil Balkan Fusion 93-70 f’partita fejn fiha l-coach Mario Tabone ta ħafna ħin fuq il-court lill-players żagħżagħ u serraħ għal ħinijiet twal diversi players regolari. Hibs għadhom mingħajr Marco Matijevic u Luca Tardito fil-waqt li Balkan kellhom nieqes lil James Caruana però rritornaw il-players tal-istaġun li għadda Nenad Bukva u Bogdan Mrkojevic. Il-partita kienet f’idejn il-Pawlisti sa mill-ewwel ħinijiet hekk kif fl-ewwel sessjoni Balkan ftit kellhom risposta għal qawwa tac-champions li kellhom run ta’ 20-0 bi trippli ta’ Alvaro Lizaur u Chad Patus flimkien mal-punti minn Roderick Vella. Balkan kellhom żewġ baskets minn Nikola Andrejevic biex is-sessjoni għalqet bil-Hibs fuq quddiem 23-6. Fit-tieni sessjoni Hibs komplew iżidu l-vantaġġ wara li Paul Attard kisbilhom żewġ three pointers flimkien mal-punti ta’ Lizaur, Patus u Anton Axiaq. Balkan wieġbu b’żewp baskets ta’ Patrick Walk però Hibs kellhom aktar three pointers minn Isaac Bonnett u Kurt Formosa biex daħlu jistrieħu 48-22 minn fuq.

Fit-tielet perjodu, il-logħob kien aktar maqsum bil-Hibs dejjem fil-kontroll però l-Balkani bdew jirrispondu speċjalment minn Andrejevic li kellhu wkoll trippla. Għal Hibs Patus u Lizaur ukoll kisbu trippla kull wieħed qabel ma sserħu mill-coach tagħhom u Balkan għalqu s-sessjoni b’5 punti konsekuttivi għal skor ta’ 70-42. Fl-aħħar sessjoni Hibs bdew bi trippla ta’ Luke Farrugia u punti ta’ Matthew Formosa.Balkan irnexxielhom jagħqqdu run ta’ 12-3 bil-punti minn Nikola Bozovic u trippla oħra ta’ Andrejevic biex għamlu l-iskor aktar rispettabli. Lejn it-tmiem, Hibs kellhom il-punti minn Attard u Sultana biex ħarġu rebbieħa 93-70.

Hibs: R. Vella 6, P. Attard 13, K. Sultana 10, L. Farrugia 3, M. Formosa 12, I. Bonett 12, A. Axiaq 3, A. Lizaur 17, C. Cuschieri Patus 17.

 

Balkan Fusion: N. Andrejevic, N. Bozovic, P. Walk, A. Schembri 2, N. Mitic 6, S. Todorovic 1, N. Bukva, B. Mrkojevic 11.

Referees: Nicky Azzopardi, Tuomas Mantere, Kamil Dvorniczak.





Leave a comment