Rebħa drammatika tpoġġi lil Gżira Athleta fil-finali kontra Starlites Naxxar

Tuesday, April 5, 2016, 22:40

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 61

Mellieħa Mr. Green 71

(11-24)(6-14)(22-21)(22-12)

Mellieħa Mr. Green rebħu t-tieni partita biex baqgħu jittamaw li jaslu sal-finali. Il-partita kellha bidu differenti minn l-ewwel waħda għaliex din id-darba kienu l-Mellieħa li kellhom l-aqwa bidu għalkemm kellhom isofru r-rimonta minn naħa tal-Athleta lejn tmiem il-partita. Mellieħa kellhom il-punti ta’ Robert Loporto  li kellhu trippla flimkien ma’ Emanuel Lupo u trippla oħra minn Rihards Polis u temmew l-ewwel sessjoni 24-11 minn fuq. Fit-tieni perjodu Polis għamel trippla oħra u minkejja li kien hemm il-punti ta’ Athleta minn Julian Wait u Adrian Baldacchino, Mellieħa għamlu run ta’ 10-0 u daħlu jistrieħu 38-17 minn fuq.

Wara l-intervall iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin. Athleta għamlu break qasir ta’ 7-2 però Mellieħa wieġbu bit-trippli ta’ Pols biex baqgħu 23 punti minn fuq. Huma dehru resqin lejn rebħa konvinċenti meta bdew l-aħħar taqsima b’vantaġġ ta’ 20 punt 59-39. Hawn però Athleta kellhom run qawwija ta’ 15-2 bil-punti ta’ Mattew Gouder u Stefan Vincic bil-Mellieħa jitilfu lil Clint Grixti li tkeċċa. Mellieħa rkupraw b’erba’ punti minn Polis u Loporto iżda Athleta kellhom erba’ punti wkoll u d-distakk baqa’ ta’ sitt punti. Punti konsekuttivi ta’ Michel Farrugia serrħu ras Mellieħa hekk kif il-ħin kien favur tagħhom u rebħu l-partita 71-61

Gżira Athleta: F. Mifsud Bonnici 8, J. Wait 2, L. Stefanovic 10,  M. Gauchi Montaldo 11, R. Bezzina 2, M. Gouder 14, S. Vincic 10, M. Cilia, A. Baldacchino 4.

Mellieħa Mr. Green: R. Polis 23, M. Farrugia 4, S. Sammut 4, C. Grixti 2,R. Loporto 19, B. Aquilina 9, D. Miani, E. Lupo 10, B. Soler, P. Magro.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani.

Phoenix Frank Salt 66

Starlites Naxxar 73

(15-17)(15-19)(17-20)(19-17)

Starlites Naxxar waslu fil-finali tal-kampjonat meta għelbu lil Phoenix Frank Salt 73-66 mhux qabel però ma għelbu r-reżistenza qawwija ta Phoenix li riedu rebħa biex jibqgħu jittamaw. Ivan Mitrovic reġa’ għamel id-differenza b’xejn anqas minn 37 punt u seba’ three pointers. Fil-ftuħ tal-partita ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin u trippla ta’ Mitrovic għamlet l-iskor indaqs 11-11. Starlites komplew b’sitt punti oħra biex temmew il-perjodu basket minn fuq. Fit-tieni taqsima Starlites kellhom trippla ta’ Luca Vella u kabbru l-vantaġġ għal 8 punti 26-18. Phoenix irrispondew bi break ta’ 10-2 bil-punti ta’ Darryl Pisani u trippla ta’ Darren Debattista biex reġgħu ġabu l-iskor indaqs. Starlites wieġbu bil-punti ta’ Mitrovic u Miguel Falzon biex daħlu jistrieħu 36-30 minn fuq.

Fit-tieni taqsima reġa’ kien hemm punti fuq kull naħa biex Starlites żammew il-vantaġġ ta’ 5 punti 45-40. Starlites għamlu sitt punti oħra minn Mitrovic u Alec Felice Pace għal skor ta’ 56-47. Fl-aħħar taqsima Phoenix komplew jitħabtu u l-punti konsekuttivi ta’ Christian Briffa rawhom jersqu viċin u saħansitra jġibu l-iskor indaqs 65-65. Ir-risposta ta’ Starlites waslet minn Mitrovic b’żewġ three pointers konsekuttivi li temmew kull tama ta’ Phoenix biex Starlites rebħu l-partita 73-66 u kkwalifikaw għall-finali.

Phoenix Frank Salt: L. Azzopardi 3, G. Micallef, D. Pisani 11, R. Curmi, D. Debattista 7, C. Camenzuli 7, J. Sant, M. Vucinic 9, C. Briffa 20, D. Massa, J. Ransley 4, A. Toompere 6.

Starlites: A. Schembri 6, O. Psaila, L. Vella 3, M. Azzopardi, M. Falzon 15, A. Felice Pace 7, I. Mitrovic 37, Q. Bugeja, A. Cutajar, T. Grech 5.

Referees: Emanuel Mangani, Alfred Carbonaro.

Mellieħa Mr. Green 67

Gżira Athleta 69

(13-19)(12-19)(24-13)(18-18)

It-tmiem ta’ din il-partita se jibqa’ stampat f’moħħ dawk kollha li kienu preżenti f’Ta’ Qali għal din il-partita u żgur li jibqa f’moħħ Stefan Vincic li għamel it-three pointer rebbieħ fl-aħħar sekonda tal-partita. Għal ħafna ħin Mellieħa li kellhom lil Clint Grixti sospiż, ġrew wara r-riżultat u dehru li se jagħmluha meta fl-aħħar 2.8 sekondi Robert Loporto b’basket u free-throw poġġijhom minn fuq. Iżda wara polemika fuq l-arloġġ li ma twaqqafx ta ċans lil Athleta jorganiżżaw attakk bil-ballun jasal għand Vincic li għamel it-three pointer tar-rebħa. Mellieħa kienu minn fuq fl-ewwel ħinijiet tal-partita 11-8. Athleta għamlu run ta’ 11-2 bil-punti ta’ Matthew Gouder u Miguel Gauchi Montaldo biex temmew is-sessjoni 19-11 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Athleta komplew bi break ta’ 8-2 qabel ma Mellieħa wieġbu bi trippla ta’ Polis. Gouder kompla bil-punti tal-Athleta u trippla ta’ Vincic u minkejja l-punti ta’ Emanuel Lupo għal Mellieħa, kienu Athleta li daħlu minn fuq 38-25.

Wara l-intervall, Mellieħa fetħu aħjar u għamlu run ta’ 9-2 b’żewġ trippli ta’ Polis. Athleta wieġbu bi trippla ta’ Joel Symmons però Mellieħa kellhom run oħra ta’ 11-2 bi trippla oħra ta’ Polis u punti minn Lupo biex ġabu l-iskor indaqs 57-47. Athleta kellhom il-punti ta’ Julian Wait u Gouder għal skor ta’ 51-49. Fl-aħħar sessjoni Athleta żiedu l-vantaġġ bi trippla ta’ Vincic iżda Mellieħa ħadu l-vantaġġ bil-punti ta’ Steve Sammut u Loporto. Għal darbtejn iż-żewġ timijiet kienu f’partita. Fl-aħħar żewġ sekondi waslet l-isvolta deċisva tal-partita b’Loporto jagħti l-vantaġġ lil Mellieħa u Vincic wieġeb bi trippla fl-aħħar sekonda biex poġġa lil Athleta fil-finali u l-partitarji tagħhom f’dellirju ta’ ferħ.

 

Mellieħa Mr. Green: R. Polis 15, M. Farrugia 2, S. Sammut 15, I. Terribile, R. Loporto 16, B. Aquilina, D. Miani, E. Lupo 17, B. Soler 2, P. Magro.

Gżira Athleta: J. Symmons 6, F. Mifsud Bonnici 4, J. Wait 2, J. Aquilina, L. Stefanovic 6,  M. Gauchi Montaldo 10, M. Gouder 26, R. Bezzina, S. Vincic 15, M. Cilia, A. Baldacchino.

Referees: Alfred Carbonaro, Emanuel Mangani.

 

Programm tal-Finali*:

10-04-2015 – 11:15 – Starlites vs Gżira Athleta

17-04-2015 – 13:00 – Gżira Athleta vs Starlites

24-04-2015 – 13:00 – Starlites vs Gżira Athleta

01-05-2015 – 13:00 – Gżira Athleta vs Starlites

08-05-2015 – 16:30 – Starlites vs Gżira Athleta

 *Jista’ jkun hemm xi tibdil u wieħed għandu jirreferi għall-paġna ta’ Facebook tal-MBA – https://www.facebook.com/Malta-Basketball-Association-113448038760683/

 

Riżultati preċedenti:

Shield: Starlites 60 Gżira Athleta 57

Kampjonat (Rd 1): Starlites 71 Gżira Athleta 50

Knock-out: Starlites 89 Gżira Athleta 72

Kampjonat (Rd 2): Starlites 87 Gżira Athleta 84 *wara l-ħin barrani

Kampjonat (Rd 3): Starlites 95 Gżira Athleta 83





Leave a comment