Rebħa drammatika għal Cynergi Depiro

Tuesday, November 29, 2016, 19:41

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

minn Colin Schembri

Floriana MCP Car Parks 83

Gżira Athleta 67

(15-17)(14-13)(36-11)(18-26)

Floriana MCP Car Parks finalment ħadu l-ewwel rebħa fuq Gżira Athleta wara ħames partiti bejn iż-żewġ timijiet dan l-istaġun. Il-partita kienet bilanċjata sa’ tmiem l-ewwel taqsima bl-Athleta jkollhom vantaġġ mimumu ta’ punt. Floriana mbagħad kellhom mument mill-aqwa fit-tielet taqsima però Athleta rkupraw fir-raba’ taqsima biex il-partita kellha tmiem missielet. Floriana ħadu l-ewwel vantaġġ wara trippla ta’ Nikola Vasovic però l-Athleta bdew jirkupraw u trippla ta’ David Camilleri bdietilhom run ta’ 9-2 u temmew it-taqsima 17-15 minn fuq. Floriana reġgħu ħadu l-vantaġġ fit-tieni taqsima b’run ta’ 8-0 minn Sean Borg u Clayton Calleja. Ir-risposta tal-Athleta waslet minn Peter Shoults flimkien mal-Amerikan Josiah Whitehead u daħlu jistrieħu punt minn fuq 30-29.

Wara l-intervall l-istorja kienet differenti hekk kif Floriana bdew bil-punti konsekuttivi ta’ Vasovic flimkien ma’ trippla ta’ Chad Patus f’run ta’ 10-0. Athleta waqqfuhom b’basket minn Michael Naudi però Shawn Pace kiseb trippla għal Floriana. Wara punti ta’ Whitehead, Floriana kellhom run oħra qawwija ta’ 19-2 b’ħafna punti minn Patus u Vasovic bl-Athleta jitilfu wkoll lil Roderick Vella bil-ħames foul. B’vantaġġ ta’ 24 punt, 65-41, ħafna ħasbu li l-partita ntemmet però Athleta kellhom ħsibijiet oħra għaliex fl-ewwel erba’ minuti tal-aħħar sessjonu huma għamlu run qawwija ta’ 19-0 biex reġgħu naqqsu d-distakk għal ħames punti. Huma kellhom diversi punti ta’ Naudi flimkien ma’ Shoults però Floriana finalment setgħu jirrispondu bi trippli ta’ Patus u Vasovic biex reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 13 –il punt 77-64. Athleta għamlu tlett punti oħra però ma kienx għad fadal ħin biex Floriana rebħu l-partita 83-67.

Floriana MCP Car Parks: C. Patus 25, S. Pace 7, S. Borg 12, N. Vasovic 25, C. Calleja 4, A. Axiaq 10, N. Andrejevic.

Gżira Athleta: M. Naudi 17, R. Vella 6, D. Camilleri 6, L. Stefanovic, P. Shoults 13, F. Mifsud Bonnici, B. Zammit 4, J. Bos, S. Vincic, M. G. Montaldo, J. Whitehead 21.

Referees: Bernard Vassallo, Igor Marjanovic, Christine Farrugia.

Bupa Luxol 89

Starlites 68

(25-21)(17-19)(26-15)(21-13)

Għal darb’oħra Bupa Luxol kellhom biss sitt players għal din il-partita però xorta waħda rnexxielhom jieħdu l-ewwel rebħa tagħhom tal-kampjonat kontra Starlites li kienu ġejjin minn rebħa posittiva fuq Depiro. Wara basket inizjali minn Jacob Formosa għal Starlites, Luxol wieġbu bi break ta’ 11-3 bi trippla ta’ Keith Dimech. Ivan Mitrovic wieġeb għal Starlites però Luxol komplew bit-three pointers din id-darba minn JP Schembri u William Ahlberg biex fetħu vantaġġ ta’ 4 punti 25-21. Starlites irnexxielhom iġibu l-iskor indaqs fit-tieni taqsima wara punti konsekuttivi minn Mitrovic fosthom trippla 32-32. Schembri u Ahlberg reġgħu poġġew lil Luxol minn fuq bit-three pointers tagħhom flimkien ma’ l-Amerikan Pierce Cumpstone biex daħlu jistrieħu basket minn fuq 42-40.

Wara l-intervall iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin speċjalment bit-three pointers però Starlites qatt ma rnexielhom imorru minn fuq għalkemm għal darbtejn waslu sa’ punt ‘l bogħod. Luxol komplew bi break ta’ 14-2 mibdi bi trippla ta’ Cumpstone flimkien ma’ Schembri u Dimech biex temmew it-taqsima 68-55 minn fuq. Starlites ppruvaw l-aħħar sforz fl-aħħar taqsima meta kellhom run ta’ 9-2 bi trippli minn Mitrovic u Nicola Stankovic però waslu biss sa’ 8 punti 66-74. Hawn waslet run oħra minn Luxol ta’ 15-2 li għalqet il-partita definittivament għar-rebħa ta’ Luxol 89-68.

Bupa Luxol: J. Maistre Melillo, JP Schembri 12, K. Dimech 11, W. Ahlberg 30, P. Cumpstone 26, S. Cappello 10.

Starlites: I. Mitrovic 26, M. Azzopardi, I. Pace,  A. Schembri, C. Schembri, M. Falzon 6, A. Felice Pace 2, Zika Stankovic, J. Formosa 15, N. Stankovic 19, M. Vella, T. Grech.

Referees: Gordon Barbara, Stephen Micallef, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Cynergi Depiro 83

Hibernians 79

(16-19)(14-18)(21-18)(21-17)(11-7)

Li l-logħba tal-basketball tintemm biss mal-horn finali huwa fatt li partiti bħal din jikkonfermawh. B’inqas minn 2 sekondi għat-tmiem, Hibs kienu erba’ punti minn fuq u dehru resqin lejn l-ewwel rebħa tagħhom fil-kampjonat. Però David Bugeja kellhu ħsibjiet oħra għaliex three pointer u free-throw mill-foul sfurzaw il-ħin barrani bir-rebħa tmur għand it-team ta’ Cynergi Depiro. Hibs minkejja li kienu dominanti taħt il-boards bid-duo Marco Matijevic u Alvaro Lizaur, fl-aħħar ħinijiet tilfu diversi free-throws li swewlhom il-partita. Depiro marru 12-6 minn fuq bi trippla ta’ Andrew Aquilina. Hawn Hibs għamlu run tajba ta’ 13-0 biex temmew l-ewwel sessjoni 19-16 minn fuq. Fit-tieni perjodu l-Pawlisti kabbru l-vantaġġ bi trippla ta’ Lizaur u minkejja li Depiro wieġbu bil-punti ta’ Kurt Xuereb li kellhu wkoll trippla, f’nofs is-sessjoni kienu għadhom erba’ minn taħt 24-28. Hawn Hibs għamlu run oħra ta’ 9-0 bi trippla ta’ Luke Farrugia biex marru 13 minn fuq però qabel intemmet it-taqsima Robert Bonnici għamel żewġ three pointers wara xulxin biex fl-intervall id-distakk niżel għal seba’ punti 37-30.

Fit-tielet taqsima l-Amerikan ta’ Depiro DJ Mason daħal iktar fil-partita però Hibs komplew jieħdu diversi offensive rebounds li ħallewhom fuq quddiem. Depiro reġgħu resqu viċin wara trippli minn Andrew Aquilina, Bugeja u Xuereb però Lizaur baqa’ jkun xewka fid-difiża tagħhom u Hibs temmew il-perjodu 55-51 minn fuq. Il-vantaġġ ta’ Hibs reġa’ tela għal 10 punti fl-aħħar taqsima meta kien Matijevic li beda jirrispondi għall-punti ta’ Mason. Huma dehru resqin lejn ir-rebħa hekk kif kienu sitta minn fuq però bdew ifallu l-free-throws biex Depiro baqgħu jittamaw. Hawn waslet l-azzjoni ta’ Bugeja li ssarfett f’erba’ punti biex Depiro għamlu l-iskor indaqs 72-72 u l-partita kellha tmur għal ħin barrani. Hawn Hibs dehru li ħassew ix-xokk ta’ dak li ġara ftit minuti qabel meta r-rebħa ħarbitilhom minn idejhom. Depiro kellhom żewġ trippli minn Aquilina u minkejja li Simon Attard ukoll kellhu trippla għal Hibs, kienu Depiro li finalment ħarġu rebbieħa 83-79.

Cynergi Depiro: N. Grech, D. Bugeja 21, R. Bonnici 11, D. Schembri, A. Aquilina 12, S. Zammit, T. Zammit 1, M. Mallia, DJ Mason 23, K. Xuereb 10, M. Borg, D. Scafidi 5.

Hibernians: P. Attard, M. Houmpton, A. Micallef 9, L. Farrugia 3, S. Attard 4, I. Bonett, K. Sultana, R. Carabott 2, M. Matijevic 23, F. Mariani 2, A. Lizaur 36.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Erkan Ozpolat.





Leave a comment