Rebħ għal Floriana u Gżira Athleta qabel is-semifinali

Tuesday, October 27, 2015, 19:27

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD – IRĠIEL

minn Colin Schembri

Floriana Cafè Del Mar 98

Hibernians 51

(26-11)(24-23)(24-8)(24-9)

Floriana Cafè Del Mar kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Hibs 98-51. Huma kienu mmexxija tajjeb ferm mill-Kanadiż Chad Patus li mhux biss spiċċa bħala l-aħjar skorer tal-partita però kellhu wkoll kontribut siewi fid-difiża b’diversi steals u rebounds. Nikola Vasovic wara bidu kwiet infetaħ wara l-intervall b’diversi punti. Għal Hibs kien hemm wirja tajba minn Fabrizio Mariani. Floriana ħadu l-ewwel vantaġġ 10-3 wara erba’ minuti bi 8 punti ta’ Patus. Hibs wieġbu bi trippla ta’ Kieron Caruana però anke Clayton Calleja kellhu trippla għal Floriana. Wara basket ta’ Ryan Carabott għal Hibs, Floriana wieġbu bi break ta’ 11-2 li bdewha bi trippla ta’ Patus u komplew bil-punti ta’ Anton Axiaq u Lee Ross għal skor ta’ 26-11. Fit-tieni perjodu, Patus kompla bi trippla oħra b’Mariani u Paul Attard bi trippla jwieġbu għal Hibs. Il-Pawlisti kellhom mument tajjeb u għaqqdu run ta’ 10-2 bi trippla ta’ Carabott  però kellhom xi free-throws żbaljati u Floriana baqgħu fuq quddiem 50-34.

Wara l-intervakk bdew ġejjin ukoll il-punti ta’ Vasovic għal Floriana li beda b’basket u trippla flimkien ma’ Patus u Axiaq. Hibs kellhom il-baskets minn Mariani u Simon Attard però Floriana komplew b’żewġ runs qosra ta’ 8-0 u 6-0 biex temmew is-sessjoni 74-42 minn fuq. Fl-aħħar taqsima l-punti bdew ġejjin bil-mod fl-ewwel ħinijiet. Floriana mbagħad għafsu b’run ta’ 17-2 fl-aħħar tlett minuti fejn kellhom it-trippli minn Patus u Ross. Huma tħabtu biex jilħqu l-mitt punt iżda Hibs żammew l-aħħar pussessi biex Floriana rebħu l-partita 98-51.

Floriana Cafè Del Mar: K. Xuereb, L. Ross 15, C. Patus 33, S. Borg 6, A. Portelli 6, N. Vasovic 14, C. Calleja 5, A. Axiaq 11, O. Shamala 2, N. Andrejevic 6.

Hibs: P. Attard 3, M. Houmpton 2, A. Baldacchino, L. Farrugia, S. Attard 7, I. Bonett, K. Caruana 5, R. Carabott 11, K. Sultana, S. Vella 2, F. Mariani 21, R. Cortis.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Gordon Barbara.

 

Bupa Luxol 66

Gżira Athleta 80

(18-25)(18-21)(12-16)(18-18)

Gżira Athleta aċċertaw ruħhom mir-rebħ ta’ Pool 2 biex evitaw lic-champions Virtus fis-semifinali. Huma għelbu lil Bupa Luxol 80-66 bl-Amerikan Markus Montague jkollhu l-aħjar prestazzjoni tiegħhu f’pajjiżna b’36 punt u 17 –il rebound. Għal Luxol reġa kien l-Amerikan Colt Fason  li kien l-aħjar skorer fejn kien l-uniku player b’figuri doppji. Wara three pointer fuq kull naħa, Athleta kellhom il-punti kontinwi ta’ Montague biex marru fuq quddiem b’Fason jirrispondi għal Luxol. Adrian Micallef kabbar il-vantaġġ tal-Athleta  b’Tom Paris jikseb seba’ punti għall-vjola qabel ma Athleta kellhom aktar baskets minn Ivan Buldakov u Montague biex temmew is-sessjoni minn fuq 25-18. Luxol reġgħu resqu viċin fil-ftuħ tat-tieni perjodu wara punti minn Jean Paul Schembri u trippla ta’ Fason. Athleta wkoll kellhom it-trippli tagħhom minn Nicolai Lubrano u Roderick Vella għalkemm Luxol wieġbu b’baskets minn Jean Paul Bonnici u Stefan Cappello. Lubrano kiseb it-tieni trippla tiegħu però Luxol għamlu l-aħħar żewġ baskets biex fl-intervall Athleta kienu 10 minn fuq 46-36.

Fit-tielet taqsima Athleta kellhom break qasir ta’ 6-2 b’Fason u Bonnici bi trippla jirrispondu għal Luxol. Athleta għamlu 8 punti mingħajr risposta f’temp ta’ żewġ minuti b’żewġ baskets ta’ Michael Naudi flimkien ma’ Montague u Micallef biex temmew it-taqsima 62-48 minn fuq. Fir-raba’ taqsima kien hemm aktar bilanċ għalkemm Athleta bdew bi break ta’ 8-3. Il-punti komplew ġejjin fuq iż-żewġ naħat bil-players Amerikani fuq iż-żewġ naħat ikomplu jżidu l-punteġġ tagħhom però Athleta kellhom vantaġġ komdu li setgħu jikkontrollaw sat-tmiem biex ħarġu rebbieħa 80-66.

Bupa Luxol: CJ Cordina 6, C. Fason 30, J. Willoughby 2, S. Visser 2, J.P. Schembri 6, K. Dimech, T. Paris 7, J. Maistre, J.P. Bonnici 9, S. Capello 6.

Gżira Athleta: M. Naudi 7, R. Vella 5, F. Mifsud Bonnici, M. Montague 36, M. Giusti, I. Buldakov 5, B. Zammit, A. Micallef 17, L. Stefanovic, S. Vincic, N. Lubrano 10, M. G. Montaldo.

Referees: Bernard Vassallo,  Gordon Barbara, Alfred Carbonaro.





Leave a comment