Rebħ għal Depiro u Starlites GIG fil-kwarti tal-finali

Monday, January 28, 2019, 18:43

Bank of Valletta Knock-out Irġiel

minn Colin Schembri

Depiro 98

Bupa Luxol 95

(22-20)(25-25)(28-32)(23-18)

Depiro saru t-tielet team li għadda għas-semifinali wara li f’partita mill-isbaħ

Ritratt: Wally Galea

huma għelbu lil Bupa Luxol 98-95. Qabilhom Gżira Athleta kellhom walk-over fuq it-team ta’ Balkan Fusion u c-champions Hibs kellhom post awtomatiku fil-finali. Iż-żewġ timijiet kellhom player importanti nieqes hekk kif Depiro kienu mingħajr Adam Chomo fil-waqt lil għal Luxol William Ahlberg kien biss spettatur fuq il-bank peress li kien ma jiflaħx. Il-partita kienet movimentata għall-aħħar, b’numru sabiħ ta’ three pointers fuq iż-żewġ naħat u xi daqxejn ta’ polemiċi ma naqsux ukoll. Depiro kienu l-ewwel team li ħadu vantaġġ bi trippla ta’ Keshaun Hamilton flimkien ma’ Jack Nygaard u Trent Steen biex marru 9-2 minn fuq. Luxol kellhom risposta bi three pointers mill-Amerikan Jerrell Martin u Filip Sekulic però l-punti ta’ Steen ħallew lil Depiro fuq quddiem għalkemm il-vantaġġ tagħhom niżel għal basket 22-20. It-tieni sesjoni offriet xejn anqas minn 50 punt maqsuma eżatt bejn iż-żewġ timijiet. Luxol irnexxielhom imorru għall-ewwel darba minn fuq permezz ta’ żewġ trippli minn Martin u Jean Paul Schembri. Huma żammew il-vantaġġ għal xi ħin qabel ma Depiro kellhom break ta’ 11-2 li poġġijhom 43-35 minn fuq. Luxol kellhom risposta għal darb’oħra minn Martin flimkien ma’ Vukassin Jandric biex reġgħu naqqsu d-distakk għal basket, liema distakk baqa’ sal-intervall hekk kif three pointer ta’ Nygaard mal-horn inbeżaq il-barra mix-xibka u ma kienx konvalidat għal skor ta’ 47-45.

Fit-tielet sessjoni, Depiro reġgħu fetħu tajjeb u trippla ta’ Andrew Aquilina tathom vantaġġ ta’ seba’ punti 54-47. Luxol wieġbu b’żewġ trippli ta’ Jandric u baskets minn Sekulic u Stefan Cappello poġġewhom fuq quddiem. Depiro kellhom tlett three pointers minn Omar Said però anke Martin wieġeb għall-vjola bi tnejn oħra u basket ta’ Jandric ra lil Luxol itemmu l-perjodu basket minn fuq 77-75. Fl-aħħar taqsima Nygaard reġa’ poġġa lil Depiro minn fuq li għal xi ħin kellhom jilgħabu mingħajr Steen li kkometta r-raba’ foul tiegħhu. Kien Hamilton li kiseb il-punti ta’ Depiro f’dan il-waqt għalkemm Luxol irrispondew kontinwament permezz ta’ Martin, Sekulic u Cappello. Said għamel trippla oħra biex fl-aħħar ħinijiet poġġa lil Depiro 4 minn fuq. Martin irrisponda għal Luxol iżda żewġ baskets ta’ Nygaard u Malcolm Mallia eżatt mal-ħin taw vantaġġ ta’ 5 punti lil Depiro. Keith Dimech però kiseb trippla fl-attakk suċċessiv però Nygaard kellhu l-free-throws u għamel wieħed minn tnejn li kien biżżejjed biex Depiro jerbħu l-partita 98-95.

Depiro: T. Steen 26, K. Hamilton 21, J. Attard, D. Farrugia, A. Aquilina 5, N. Grech, O. Said 20, M. Mallia 2, J. Nygaard 24, A. Attard.

 

Bupa Luxol: CJ Cordina, V. Jandric 21, P, Englebert, J. Martin 31, L. Caruana Montaldo, JP Schembri 3, K. Dimech 9, W. Ahlberg, F. Sekulic 21,  S. Cappello 10.

Referees: Bernard Vassallo, Ivica Simic, Daniella Torok

Floriana MCP Car Parks 85

 

Starlites GIG 108

(21-27)(18-31)(21-20)(25-30)

Starlites GIG akkwistaw l-aħħar post fis-semi-finali tal-BOV Knock-out meta għelbu lil Floriana MCP Car Parks 108-85. Floriana kellhom jagħddu mingħajr is-servizz tal-aħħar akkwist tagħhom Dean Wanliss li mill-informazzjoni li ingħatat lilna l-player kien indispost għal raġunijiet familjari fil-waqt li l-Belġjan Gael Hulson kien nieqes b’injury. Starlites kienu bl-aqwa formazzjoni hekk kif irkupraw ukoll lil Andrew Sears li kien tilef l-aħħar partita. Starlites ħarġu tajjeb u bdew b’run ta’ 8-0 bi trippli ta’ Nick Formosa u William Darley. Floriana bdew jirrispondu hekk kif kellhom il-punti ta’ David Bugeja, Shawn Pace, Ian Thiesen u trippla ta’ Kurt Xuereb u żammew il-pass mall-avversarji. Starlites għamlu run qasira ta’ 8-2 bil-baskets ta’ Sears u Alec Felice Pace għal skor ta’ 27-21. Fil-ftuħ tat-tienu perjodu Starlites bdew iżidu l-vantaġġ tagħhom meta għamlu run ta’ 14-3 fosthom żewġ three pointers ta’ Ryan Carabott u oħra ta’ Darley għal skor ta’ 41-24. Floriana kellhom risposta bi trippla ta’ Xuereb però Starlites komplew jagħfsu u għamlu break ieħor ta’ 13-2. Floriana kellhom trippli minn Kevin Liivamangi u l-Amerikan Ian Thiesen però l-vantaġġ ta’ Starlites kien ta’ 19-il punt 58-39.

Wara l-intervall, Starlites komplew fejn ħallew u bdew b’run ta’ 13-4 bi trippli minn Darley u Felice Pace. Hawn Floriana kellhom mument tajjeb bil-punti ta’ Thiesen u t-three pointers ta’ Ignacio Arias u naqqsu d-distakk għal 18 –il punt 60-78. Fl-aħħar taqsima Starlites reġgħu kabbru l-vantaġġ għall 24 punt wara punti konsekuttivi minn Cameron Ward. Huma għaqqdu l-mitt punt b’żewġ three pointers ta’ Robert Bonnici u l-partita għalqet b’żewġ trippli ta’ Floriana però Starlites ħarġu rebbieħa 108-85 biex issa jiltaqgħu kontra Hibernians fis-semi-finali.

Floriana MCP Car Parks: S. Pace 2, D. Bugeja 14, S. Borg, K. Caruana 7, K. Liivamangi 14, I. Arias 6, I. Thiesen 29, K. Xuereb 13, D. Agius.

 

Starlites Gig: O. Psaila, N. Formosa 9, R. Bonnici 10, I. Felice Pace 2, C. Ward 18, M. Falzon, A. Felice Pace 17, R. Carabott 8, M. Scerri, A. Sears 7, W. Darley 24, J. Scotts 11.

Referees: Kamil Dworniczak, Tuomas Mantere, Malek Hraisha.





Leave a comment