Rata tat-taxxa anqas għall-plejers tal-futbol u waterpolo

Tuesday, October 6, 2015, 21:36

Gavin Muscat

“Wara sentejn ta’ Gvern, il-plejers tal-futbol u l-waterpolo qed igawdu minn rata ta’ tnaqqis ta’ taxxa. Dan ikompli juri kif il-miżuri msemmija fil-budget ma baqgħux biss miktubin fuq karta imma qed ikunu attwati”, dan kien kliem is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq lejlet il-parteċipazzjoni tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2016.

Huwa spjega kif il-Ġvern ħaseb li, b’differenza mis-snin ta’ qabel, ma jħarisx biss li jinħolqu faċilitajiet ġodda imma wkoll li jgħin u jagħti l-importanza xierqa lill-atleti nfushom u lill-amministraturi.  Il-miżura li ttieħdet fil-budget tal-2014, li kienet ir-rata mnaqqsa ta’ taxxa tad-dħul fuq xogħol part-time tal-footballers, is-sena ta’ wara kienet estiża għal dawk tal-waterpolo.  Din hija inċentiva oħra għall-atleti Maltin li tkompli tilħaq l-għan tal-Gvern li jħalli aktar flus fil-bwiet ta’ dawk li dejjem iddikjaraw l-introjtu tagħhom, filwaqt li qed tgħin lill-assoċjazzjonijiet ikollhom stampa aktar ċara tas-salarji tal-plejers.  B’din il-miżura żdiedet wkoll il-konformità, filwaqt li huwa maħsub li bl-għajnuna ta’ din il-miżura jkollna sport aktar trasparenti u leġittimu. Is-Segretarju Parlamentari qal li qed issir ħidma sabiex din il-miżura tkun estiża għal dixxiplini oħra bil-ħsieb li jintlaħqu aktar atleti.

L-atleti u l-amministraturi ma bbenefikawx biss minn tnaqqis ta’ rata tat-taxxa. Fil-fatt tul dawn l-aħħar sentejn saret ħidma fejjieda fil-Kunsill Malti għall-Isport li kien qiegħed jirreġistra telf finanzjarju sena wara sena. Kienu emendati l-kriterji tal-iskemi tal-assistenza ta’ SportMalta, biex issa qed jibbenefikaw minnhom numru akbar ta’ atleti u sar kors għall-amministraturi sportivi, bil-kollaborazzjoni ta’ EOSE fost l-oħrajn.

“Fadal xi jsir, però r-riżultati qegħdin diġà jinħassu min-nies, u juru biċ-ċar kemm dan huwa Gvern li jisma’ u li verament iwettaq dak li jwiegħed” sostna s-Segretarju Parlamentari.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Ġenerali tal-Malta Football Association Bjorn Vassallo li filwaqt li faħħar din l-miżura li hija miftuħa kemm għall-plejers fil-klabbs u anke għall-plejers tat-tim nazzjonali, għamel enfasi fuq ir-regolamenti introdotti mill-Malta FA dwar il-liċenzjar tal-klabbs u l-financial fair play fejn il-klabbs ma jistgħux jaqgħu lura fuq tliet overdue payables, jiġifieri s-salarji tal-plejers kuntrattati magħhom, il-ħlasijiet rigward trasferimenti ta’ plejers ma’ klabbs oħra u l-ħlas tat-taxxa skont kif titlob il-liġi. Huwa kompla jgħid li din il-miżura qed tkompli tgħin lill-isport sabiex titnaqqas l-ekonomija s-sewda u biex kulħadd jiddikjara d-dħul tiegħu; aspett li jsaħħaħ il-governanza fl-isport bl-għan li l-amministrazzjoni u l-operat ikunu aktar professjonali u trasparenti.





Leave a comment