Rapport tal-Futsal Euro 2016 minn Stephen Azzopardi

Tuesday, January 20, 2015, 8:11

Malta vs Ingilterra 0-3

Fit-tieni logħba, quddiem attendenza sabiħa bis-sehem qawwi tas-South End Core, Malta ddebuttaw f’dan l-istess grupp ta’ kwalifikazzjoni kontra l-Ingilterra.

L-Ingliżi fetħu l-iskor wara biss tliet minuti permezz ta’ Ian Parkes li għeleb għal kollox lill-gowlkiper Malti Matthew Mifsud.

Għaldaqstant dan il-gowl serva ta’ injezzjoni għall-Maltin li kienu ferm perikolużi permezz ta’ Matteo Desira Buttigieg, Nicola Del Re u Mark Zammit, li ġew diversi drabi wiċċ imb’wiċċ mal-gowlkiper Ingliż James Dalton.

Wara li l-ewwel taqsima intemmet 1-0, fit-tieni taqsima l-Maltin komplew juru logħob sabiħ u tjiebu ħafna fid-difiża u komplew joperaw bil-kontrattakki.

Madanakollu l-Ingliżi rnexxielhom ikomplu jkabbru darbtejn il-vantaġġ tagħhom permezz ta’ Luke Ballinger fid-29 minuta u Agon Nexha fl-aħħar minuta.

Malta vs Andorra 0-4

It-tim nazzjonali Malti reġa’ kien fl-azzjoni u kellu jsofri telfa qawwija ta’ 4-0 kontra l-Andorra.

It-tim tal-Andorra kellu l-pussess tal-ballun għal ħinijiet twal u sab ix-xibka permezz ta’ doppjetti għal Carlos Manuel Barbosa u Ignacio Llamas.

Il-Maltin kellhom diversi azzjonijiet perikolużi, fosthom lil Nicola Del Re li laqat darbtejn il-lasta u Jovica Milijic li minn frikik fuq il-linja tal-penalty area laqat il-mimduda.

 

Latvja vs Malta 8-0

Fl-aħħar logħba t-tim nazzjonali Malti kien fl-azzjoni kontra l-Latvja, fejn tal-aħħar riedu rebħa tajba biex ikunu huma li jgħaddu mill-grupp.

U hekk ġara għax f’ħin ta’ żewġ minuti l-Latvja ħadu dak li riedu.

L-ewwel gowl wasal kmieni wara biss 28 sekonda permezz ta’ Maksims Sens.

Wara biss 10 sekondi Andrejs Aleksejevs wettaq doppjetta immedjata u minuta wara kien Maksims Sens li kellu wkoll doppjetta personali sa dak il-ħin.

Fl-għaxar minuta Arturs Jerofejevs għamilhom 5-0 u ħames minuti wara, l-istess plejer għamilhom 6-0.

Meta kien fadal 46 sekonda Maksims Sens minn freeshot ra l-ballun milqugħ mill-gowlkiper Malti Nicholas Farrugia.

Ħames minuti mill-bidu tat-tieni taqsima, Andrejs Sustrovs b’xutt qawwi għeleb għal kollox lil Farrugia u għamilhom 7-0.

Fit-28 minuta reġa’ kien Andrejs Aleksejevs li skurja t-tmien gowl għal-Latvja.

Fit-32 minuta Dale Camilleri kellu ċans li jiskurja l-ewwel gowl Malti, iżda ġie mċaħħad minn salvataġġ mill-isbaħ tal-gowlkiper sostitut Antons Astrahancevs.

Finalment il-Latvja kkwalifikaw għar-rawnd li jmiss b’7 punti, 13-il gowl favur u 4 kontra.

L-Ingilterra ġew it-tieni b’7 punti, iżda kellhom 8 gowls favur u 4 kontra.

L-Andorra ġew fit-tielet post b’3 punti u Malta spiċċaw fl-aħħar post bla punti u sofrew 15-il gowl mingħajr risposta.





Leave a comment