Rachela Pace rebbieħa tal-Atlas l-Atleta Żagħżugħa tax-Xahar għal Jannar 2020

Friday, February 14, 2020, 17:12

L-isprinter u atleta fil-long jump Rachela Pace rebħet l-ewwel edizzjoni tal-Atlas l-Atleta Żagħżugħa tax-Xahar, għal Jannar 2020.

Dan il-premju li ġie mniedi ftit tal-ġimgħat ilu, qed jingħata fuq inizjattiva konġunta tal-kumpanija Atlas Insurance u l-Għaqda Ġuranlisti Sports, fejn permezz ta’ ġurija magħmula minn tliet ġurnalisti sportivi, jiġu evalwati r-riżultati miksuba f’kull xahar, mill-atleti ta’ taħt il-21 sena.

Dan il-premju huwa immirat għal dawk l-atleti ta’ taħt il-21 sena li jiddistingwu ruħhom fir-riżultati miksuba, kemm lokalment u anki internazzjonalment. Fl-istess waqt qed tingħata importanza lejn ir-rispett tal-valuri sportivi.

Id-dixxiplini sportivi li jikklassifikaw għal dan il-premju jvarjaw u kull sport huwa kkunsidrat, kemm fuq bażi individwali u anki fuq bażi ta’ tim.

“L-Atlas l-Atleta Żagħżugħ/a tax-Xahar huwa maħsub li jippromwovi l-attività fiżika u l-kompetittività sportiva fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa u li jinħolqu role models għaż-żgħażagħ in ġenerali,” saħaq David Cassar, Manager – Business Development and Marketing ta’ Atlas Insurance.

Rachela Pace, li għandha 16-il sena kisbet suċċessi personali meta f’Jannar ħadet sehem fl-Indoor Games 2020 f’Londra u fl-EAP Amsterdam Meeting 2020. F’dan l-avveniment ġiet ir-raba’ fil-long jump, b’distanza impressjonanti ta’ 5.64 metri.
Fit-trakka prestiġjuża ta’ Lee Valley waqt l-Indoor Games ta’ Londra, Pace ħadet sehem fis-60 metru, 200 metru sprint u fil-long jump.

Hija kisbet l-aqwa ħin personali ta’ 8.06 sekondi fit-tellieqa ta’ 60 metru u tejbet il-ħin tagħha preċendti b’0.15 sekondi. Kisbet ukoll rekord personali fil-200 metru sprint meta għamlet ħin ta’ 26.37 sekondi u naqset l-aħjar ħin personali tagħha b’0.62 sekondi. Fil-long jump hija qabżet distanza ta’ 5.11 metri u kisbet il-ħames post overall.

Ftit ġranet biss wara fl-EAP Amsterdam Meeting, Pace kisbet rekord personali fil-long jump meta qabżet distanza ta’ 5.64 metri, tejbet id-distanza preċedenti tagħha ta’ 5.45 metri u ġiet fir-raba’ post overall.

F’Jannar il-Malta Amateur Athletics Association inkludiet lil Rachela Pace fil-lista ta’ atleti taħt it-18-il sena għall-iSpecial Achievement Award għas-suċċessi miksuba fl-aħħar staġun.

Il-Premju ġie ppreżentat lil Rachela Pace minn David Cassar, Manager – Business Development and Marketing ta’ Atlas Insurance. Sandro Micallef u Lorraine Cunningham President u Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports rispettivament, attendew għal din il-premjazzjoni.

Pic caption:
Rachela Pace tirċievi l- Atlas Youth Athlete of the Month Award għal Jannar 2020 mingħand David Cassar u Sandro Micallef

 





Leave a comment