Qormi jispiċċaw fit-tielet post fit-Tazza AME 2013

Monday, August 5, 2013, 13:18

minn Stephen Azzopardi

Ġiet fi tmiemha t-tieni edizzjoni tat-Tazza AME bl-aħħar żewġ logħbiet.  L-ewwel wahda kienet dik bejn Qormi u Balzan biex jiġu determinati t-tielet u r-raba’ klassifikati.

Kienu Balzan li fetħu l-iskor meta fil-41 minuta Kai Risholt b’daqqa ta’ ras għeleb lill-gowler Matthew Farrugia ta’ Qormi.  Ftit tal-ħin wara, il-kowċ ta’ Qormi Tommaso Volpi għażel li jbiddel lil Luigi Del Giudice ma’ Roderick Bajada biex isaħħaħ nofs il-grawnd.  Bajada nafuh bħala plejer li jmexxi lit-tim tajjeb ħafna.  L-ewwel taqsima għalhekk intemmet 1-0 għal Balzaniżi.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Qormi din id-darba għamlu erba’ tibdiliet.  Ħarġu Leonardo Gabrielli, Matthew Bartolo, Enock Barwuah u Emmaunele Alessandri u minflokhom daħlu Roderick Sammut, Leighton Grech, Simone Bezzicceri u Riccardo Innocenti.  Bezzicceri wieħed minn dawn l-erba’ sostituti, fis-47 minuta ġab id-dro għal Qormi.  Kien l-istess Bezzicceri li fit-83 minuta b’doppjetta personali ta r-rebħa lil Qriema.  Għal Qormi daħal jilgħab ukoll Nelly Yoa minflok Federico Santa Guida. Għaldaqstant Yoa ma tantx dam fil-grawnd għax f’ħin qasir dabbar żewġ karti sofor.  Aktar tard inħoloq inċident bejn il-plejers viċin tal-kaxxa wara li ngħata fawl u r-referee Malcolm Spiteri kellu jkeċċi minnufih lil Roderick Sammut ta’ Qormi u Jose Luis Armaro Negrin ta’ Balzan.

Il-logħba ntemmet bl-iskor finali ta’ 2-1 għal Qormi li spiċċaw l-avventura tagħhom fit-tielet post segwiti minn Balzan.





Leave a comment