Qormi jisirqu x-xena u jegħlbu lil-liders

Monday, January 21, 2019, 7:01

RAPPORT: Robert Busuttil

Ritratt: Samuel Dimech

Qormi Hotspurs serqu x-xena f’din is-sitt ġurnata tal-kampjonat tal-MAFA tal-Ewwel Diviżjoni meta b’gowl uniku skorjat lejn l-aħħar parti tal-logħba huma għelbu lil-liders Versity AFC. Minnufih approfittaw ruħhom Senglea Gunners li laħqu lit-tim minn Tal-Qroqq fil-quċċata wara rebħa komda fuq Naxxar Victorians. Min-naħa l-oħra Valletta St Pauls bil-mod il-mod ġejjin f’tagħhom meta kisbu rebħa konvinċenti fuq San Ġiljan Saints.

Dawn il-logħbiet temmew l-ewwel rawnd tal-ogħla kampjonat tal-MAFA li din is-sena huwa ferm bilanċjat b’logħbiet li qed ikunu inċerti sal-aħħar. Partiti li dejjem ikunu attraenti u mhux ta’ b’xejn li dan huwa wieħed mill-isbaħ kampjonat f’dawn l-aħħar snin kemm ilha torganizzah din l-assoċjazzjoni.

Kif għedna, iż-żgħażagħ ta’ Qormi Hotspurs kisbu rebħa minima iżda kbira meta għelbu lil Versity AFC bl-iskor ta’ 1-0. It-tim minn Tal-Qroqq kienu għadhom kemm għelbu lil Marsa St Michael fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u kien favorit li jkompli b’din is-sensiela pożittiva. Minkejja kollox, il-Hotspurs kellhom ideat oħra tant li l-kowċ tagħhom Wayne Zerafa ħejja sistema difensiva mill-aqwa filwaqt li bdew itellgħu kontrattakki ferm perikolużi li rriżultaw f’azzjonijiet effettivi.

Versity AFC ippruvaw joħolqu l-okkażjonijiet tagħhom iżda bejn xi plejers li kienu neqsin u bejn ix-xorti li xejn ma daħkitilhom ma rnexxielhomx jinfdu l-lasti difiża minn Dwayne Camilleri.

Il-gowl waħdani li ddeċieda l-partita ġie skorjat fil-51 minuta. Kien Andy Camilleri li rebaħ ballun f’nofs il-grawnd u filwaqt li qabeż tliet plejers, ġie wiċċ imb’wiċċ mal-gowlkiper u minnufih tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka. Dan kien l-ewwel gowl li skorja dan il-plejer żagħżugħ fil-kampjonat.

Versity AFC kellhom reazzjoni aggressiva iżda l-Qriema ddefendew sa snienhom sabiex kisbu t-tieni rebħa staġjonali.

Grazzi kbira qalu Senglea Gunners li fil-partita ta’ warajhom għelbu lil Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 4-1. Rebħa li tathom iċ-ċans jilħqu lill-istess Versity fil-klassifika. Kienet logħba li t-tim mill-Kottonera ddomina mill-bidu sal-aħħar kontra tim li għadu qed ifittex l-ewwel rebħa tiegħu fil-kampjonat filwaqt li baqa’ fl-aħħar post tal-klassifika.

B’mod speċjali serqu x-xena d-duo Soualio Fofana u Ousman Jallow li kienu ta’ theddida kontinwa għad-difiża ta’ Naxxar. Spikka wkoll il-gowlkiper tal-Victorians Miguel Muscat li salva diversi blalen li xeħtu lejh l-attakkanti ta’ Senglea. Dawn tal-aħħar ħadu 18-il minuta biex marru fil-vantaġġ meta kien Ousman li qassam lejn Soualio Fofana li minn żewġ passi bogħod tefa’ l-ballun fix-xibka. Naxxar dehru mifxula fi spazju ta’ żewġ minuti qalgħu żewġ gowls oħra. L-ewwel kien l-istess Fofana li temm azzjoni personali u għeleb lil Muscat filwaqt li ftit sekondi wara kien Ousman Jallow li niżżel ismu fil-lista tal-iskorers.

Wara li l-ewwel taqsima għalqet 3-0 favur il-Gunners, fit-tieni taqsima Naxxar qagħdu aktar u naqsu l-marġni tal-iskor meta wara azzjoni ta’ frikik kien id-difensur ta’ Senglea Michael Ciappara li bir-ras issoprenda li sieħbu l-keeper Ludvic Fardell sabiex wettaq awtogowl klassiku.

Minkejja kollox kienu Senglea Gunners li għalqu l-partita fit-68 minuta meta kien Dillon Grech li skorja gowl mill-isbaħ sabiex ġiegħel lil Muscat jiġbor il-ballun għar-raba’ darba.

B’hekk Senglea Gunners huwa l-uniku tim li għadu bla telfa fil-kampjonat.

Fl-isbaħ logħba tal-ġurnata, Valletta St Pauls reġgħu rritornaw għar-rebħ meta kisbu riżultat pożittiv ta’ 5-2 kontra San Ġiljan Saints. Kienet partita li pproduċiet seba’ gowls fejn kellna logħob veloċi u li ħalliet lil kull min kien preżenti fil-grawnd ta’ Santa Luċija b’nifsu maqtugħ.

Għaddew biss tliet minuti u San Ġiljan marru fil-vantaġġ. Kien kontrattakk veloċi mibdi minn Menzing li għadda lejn Quentin Albrecht li wara li dar ma’ Jianiro Camilleri u ddepożita l-ballun fix-xibka. Dan kien l-għaxar gowl li skorja Albrecht fil-kampjonat sabiex baqa’ jżomm l-ewwel pożizzjoni fil-lista tal-aqwa skorers.

Valletta wettqu reazzjoni immedjata u ġabu l-iskor indaqs tliet minuti wara permezz ta’ Tyron Borg.

San Ġiljan reġgħu marru fil-vantaġġ fid-19-il-minuta meta wara kontrattakk veloċi kien Mack Felux li rċieva tajjeb u b’xutt fir-rokna għeleb lil Camilleri.

Fit-22 minuta Valletta ngħataw penalty wara li Di Maio twaqqa’ fil-kaxxa minn difensur Ġiljaniż. L-istess Denis di Maio skorja x-xutt mill-ħdax il-metru sabiex tefa’ lill-keeper naħa u l-ballun in-naħa l-oħra.

Il-Beltin rabbew il-kunfidenza u fil-31 minuta marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ meta xutt ta’ Tyron Borg ġie milqugħ b’mod temporanju minn Ryan Kerr sabiex mir-ribawnd kien Denis di Maio li ffirma doppjetta personali. 3-2 u hekk spiċċat l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima s-St Pauls ħarġu tajjeb u hawn daħal fix-xena Simon Shead li f’temp ta’ għoxrin minuta skorja doppjetta u ssiġilla r-rebħa favurihom.

Finalment din kienet rebħa li reġgħet poġġiet lill-Beltin biċ-ċans li jiddefendu t-titlu li rebħu fl-istaġun li għadda.

KLASSIFIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Versity AFC, Senglea Gunners 12, Valletta St Pauls, Marsa St Michael 8, San Ġiljan Saints, Qormi Hotspurs 7, Naxxar Victorians 1





Leave a comment