Qormi jirxuxtaw
Tuesday, September 3, 2013, 9:59Minn Robert Busutill
Qormi ………………..6
Tarxien Rainbows….2
Wara żewġ telfiet konsekuttivi, il-Qriema mmexxija minn Tommaso Volpi kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun bil-kbir meta taw nofs tużżana lit-Tarxiniżi li dehru ferm mifxula f’din il-partita.
It-triq għall-irxoxt ta’ Qormi bdiet sekondi biss mit-tisfira inizjali tar-referi Paul Caruana. Fil-fatt id-debuttant Taljan RICCARDO INNOCENTI ixxuttja mill-bogħod u għeleb lil Nicky Vella bejn il-lasti Tarxiniżi.
Ir-Rainbows dehru kompletament maħsuda bl-atteġjament offensiv ta’ Qormi u ma kinitx sorpriża li dabbru t-tieni gowl. Kien fis-27 minuta u kross mil-lemin tad-debuttant Taljan l-ieħor D’Aniello li sabet ir-ras ta’ OWEN BUGEJA li għeleb għat-tieni darba lil Vella.
Tarxien resqu viċin minuta wara meta daqqa ta’ ras ta’ Jorge Santos Silva rat l-aqwa mill-gowler Matthew Farrugia li salva ferm tajjeb.
Madankollu kien fil-41 minuta li Qormi għamluhom tlieta meta l-aqwa plejer tal-logħba, ALFRED EFFIONG spara fir-rokna tax-xibka u għeleb lil gowler Tarxiniż.
Kif bdiet it-tieni taqsima, il-kowċ Tarxiniż Clive Mizzi daħħal lil Carlo Mamo u Steve Sadowski sabiex isaħħaħ l-iskwadra Tarxiniża.
Sa fl-aħħar Tarxien naqqsu l-iskor meta Everton Souza Santos qassam tajjeb lil Ronaille Calheira Seara li b’xutt fil-baxx għeleb lil Farrugia.
Iżda fil-61 minuta ALFRED EFFIONG, li llum kien f’burdata mill-aqwa, reġa skorja b’daqqa ta’ ras minn kross ta’ Leighton Grech biex għamilhom erbgħa għal Qormi.
Tliet minuti wara u r-referi Paul Caruana saffar għall-penalti favur il-Qriema meta Effiong twaqqa’ fil-kaxxa minn Manuel Caruana sabiex l-eks RODERICK BAJADA ma żbaljax mill-ħdax –il metru.
Fl-74 minuta Qormi għaqqdu n-nofs tużżana meta LEIGHTON GRECH ġera ġirja tajba u b’xutt mkaxkar għeleb lil Vella.
Tarxien reġgħu naqqsu l-iskor meta JORGE SANTOS SILVA rċieva ballun mingħand Luca Martinelli u tefa’ fix-xibka għal skor finali ta’ 6-2.

Sa flahar ergajt rajt lil Qriema jilghbu il-football u qet nejd hekk mhux ghax taghjna 6 lil- Tarxien stajna gejna 1-0 biss, imma li terga tarha it-team kollu jilghab mil-qalb tihu gost ! proset Qormi fc.
[Reply]