Punt biss jifred lil Pavi Depiro minn Honey Athleta

Tuesday, October 22, 2013, 17:49

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD NISA

minn Colin Schembri

Starlites Sports Experience 30

Caffe Moak Luxol 44
(10-12)(7-12)(5-7)(8-13)

Caffe Moak Luxol għelbu lil Starlites Sports Experience fl-ewwel ħarġa tagħhom fil-logħob tas-St. James Hospital Shield ġimagħtejn wara s-suċċess fis-Super Cup. Huma laqgħu lura lil Mandi Mercieca li tilfet l-ewwel partiti tal-istaġun però kellhom nieqsa lil Sarah Pace u lil Monique Caruana. Starlites friski mir-rebħa kontra Hibs kienu bl-istess formazzjoni ta’ ġimgħa ilhu hekk kif qed jistennew li jirreġistraw magħhom lil Maria Desira ex-Hibs. Huma offrew oppożizzjoni denja speċjalment fid-difiża però jridu jżidu fl-attakk u ma jiddependux biss mil-punti tal-Amerikana Renea Phelps. Kienu Starlites li fil-fatt marru 7-3 minn fuq wara tlett baskets ta’ Phelps. Luxol bdew jirrispondu b’mod partikori permezz tal-Amerikana Patricia Bright flimkien ma’ Steffi De Martino biex sa tmiem l-ewwel sessjoni kienu 12-10 minn fuq.  Starlites bdew it-tieni perjodu b’basket ta’ Marilou Cutajar biex ġabu l-iskor indaqs. Hawn però Luxol kellhom run ta’ 10-2 bi tlett baskets ta’ Bright, De Martino u Becky Naudi. Sal-intervall Luxol fetħu vantaġġ ta’ 7 punti 24-16.

It-tielet sessjoni kienet waħda ta’ skor baxx fejn Starlites għamlu biss ħames punti kollha minn Phelps. Bejniethom Luxol kellhom il-baskets ta’ Martina Darmanin, Greta Costa u Bright biex huma għalqu l-perjodu 31-22 minn fuq. Fl-aħħar taqsima Luxol bdew b’baskets minn Mercieca, Bright u Naudi f’run ta’ 7-1. Phelps għamlet l-aħħar punti ta’ Starlites waqt li Bright u Darmanin għamlu l-aħħar żewġ baskets ta’ Luxol li rebħu l-partita 44-30.

Starlites Sports Experience: A. Farrugia, J. Busuttil Gaerty, A. Grixti, S. Tabone 4, P. Montanaro, R. Phelps 23, L. Pirotta, N. Attard, C. Sammut, S. Davies, M. Cutajar 3.

Caffè Moak Luxol: M. Mercieca 2, I. Medina, B. Naudi 4, P. Ellul, G. Costa 4, K. Portelli, S. De Martino 10, P. Bright 20, M. Darmanin 4, C. Curmi.

Referees: Emanuel Mangani, Luke Camilleri

Honey Athleta 56

Pavi Depiro 57
(17-16)(11-7)(16-18)(12-16)

Ic-champions Pavi Depiro kellhom jitħabtu biex ħadu t-tieni rebħa tagħhom fil-logħob tas-shield kontra Honey Athleta 57-56.  Athleta kellhom lill-Amerikana Ijeoma Ofomata tagħmel id-debutt tagħha fil-waqt li Pavi Depiro kellhom il-formazzjoni tipika tagħhom. Athleta għamlu l-ewwel erba’ punti tal-partita minn Leanne Sciberras u Ofomata. Hawn waslet reazzjoni tajba minn Depiro li għamlu 13 –il punt mingħajr risposta. Għalijhom kien hemm it-trippli minn Antoinette Borg, Samantha Brincat u Beverlee Zammit flimkien ma’ basket minn Joncelyn Peterkin. Ofomata bdiet tidħol aktar fil-partita u tmien punti konsekuttivi tagħha ressqu lil Athleta punt taħt l-avversarji 12-13. Depiro kellhom trippla oħra minn Borg iżda kienu Athleta li temmew is-sessjoni minn fuq wara punti minn Sammy Jo Barbara u Ofomata għal skor ta’ 17-16. Depiro reġgħu ħadu l-vantaġġ fit-tieni sessoni wara punti minn Peterkin 22-21. Wara xi mumenti mingħajr baskets, kienu Athleta li għamlu break qasir ta’ 7-1 li temmewh b’basket ta’ Emma Moore biex daħlu jistrieħu 28-23 minn fuq.

Wara l-intervall Depiro fetħu bi trippla oħra ta’ Borg però Athleta rrispondew b’baskets minn Justine Xuereb, Francesca Farrugia u trippla minn Ofomata biex fetħu vantaġġ ta’ disa’ punti 35-26. Depiro wieġbu permezz ta’ Peterkin u Andrea Mifsud qabel ma Xuereb għamlet basket u trippla oħra għal Athleta. Sat-tmiem is-sessjoni Depiro kellhom break ieħor ta’ 9-2 però Athleta kienu għadhom minn fuq 44-41. Fl-aħħar taqsima Athleta żiedu l-vantaġġ għal 5 punti wara punti minn Ofomata u Sciberras. Depiro kellhom risposta skjetta b’run ta’ 10-0 bi trippla minn Brincat u punti minn Peterkin u Zammit biex marru 54-49 minn fuq. Athleta ma ċedewx u Ofomata u Moore għamlu l-punti biex fid-disa’ minuta ġabu l-iskor indaqs 54-54. Fl-aħħar minuta kien hemm free-throw ta’ Mifsud però Ofomata tat il-vantaġġ lil Athleta. L-aħħar ballun tac-champions ġie għand Maria Bonett u hi għamlet il-basket tar-rebħa għaliex Athleta ma rnexxielhomx jagħmlu basket fl-aħħar seba’ sekondi għal skor finali ta’ 57-56 favur Depiro.

Honey Athleta: E. Moore 5, M.C. Cila, J. Xuereb 7, L. Cassar, L. Sciberras 5, G. Muscat, I. Ofomata 32, E. Vella, C. Ciantar, F. Farrugia 4, S.J. Barbara 3, C. Mifsud.

Pavi Depiro: A. Mifsud 3, G. Mifsud 4, J. Peterkin 14, S. Brincat 12, M. Bonett 5, M. Scicluna, M. Mifsud, A. Borg 11, D. Sammut, N. Agius, S. Micallef, B. Zammit 8.

Referees: Bernard Vassallo, Clive Terribile





Leave a comment