Pullicino u Said fil-Kampjonati Mondjali tal-Gran Fondo tal-UCI fl-Awstralja

Tuesday, October 4, 2016, 12:04

Gavin Muscat

Żewġ ċiklisti Maltin, Marion Pullicino u Gerard Said ikkwalifikati biex jipparteċipaw fil-Kampjonati Mondjali tal-Gran Fondo tal-UCI li kienu organizzati din is-sena f’ Perth, l-Awstralja. Dan il-kampjonati kien jikkonsisti f’żewġ tiġrijiet, dik ta’ 20 km Time Trial kif ukoll ir-Road Race fuq distanzi ta’ 160 km għall-Irgiel u 105km għan-Nisa. It-Time Trail li saret f’Rottnest Island, gżira żgħira li tinsab 15km ‘l bogħod  mill-kosta ta’ Perth u li hija magħrufa għall-fawna selvaġġa distintiva tagħha. Mbagħad ir-Road Race bdiet minn Perth lejn il-muntnji ta’ Kalamunda. L-irġiel kellhom jagħmlu żewġ laps, filwaqt li n-nisa għamlu lap waħda.

Il-livell tal-kompetituri li ħadu sehem f’Perth u li ġew minn bosta pajjiżi, kien għoli ħafna fejn bosta minhom kienu rappreżentati mit-timijiet nazzjonali ta’ pajjiżhom fit-tentattiv taghhom li jirbħu l-flokk rebbieħ. Marion Pullicino irnexxielha tispiċċa fit-72 post minn fost 197 parteċipanta, filwaqt li Gerard Said spiċċa fil-271 post minn fost 657 ċiklista.

Biex jikkwalifikaw għal din Kampjonati tad-Dinja, il-parteċipanti kellhom ħtieġa li jikklassifikaw mal-aqwa 25% ta’ dawk li jispiċċaw fl-avvenimenti madwar id-dinja taċ-Ċikliżmu organizzati mill-UCI. Kemm Pullicino, kif ukoll Said ikkwalifikaw għal dan billi ħadu sehem fit-tiġrijiet li kienu saru f’Rodi, fejn dak in-nhar Marion Pullicino kienet spiċċat fl-ewwel post minn tliet tiġrijiet fil-kategorija tagħha mentri Gerard Said kien spiċċa fir-4 post fil-kategorija tiegħu.

Minn naħa tagħhom Pullicino u Said jixtiequ jroddu ħajr lil kowċ Rachel Darmanin għat-tmexxija tagħha f’din l-aħħar sena. L-esperjenza li kisbu dawn iż-żewġ ċiklisti definittivament hija pass importanti fit-titjib tar-riżultati tagħhom f’impenji oħra barra minn xtutna.





Leave a comment