Publicita’ għal Malta fir-Renju Unit bil-Kampjonat tat-Tazza Civic

Wednesday, May 20, 2015, 7:55

By Alfred A. Farrugia

 

L-Awtorita’ Maltija tat-Turismu ġentilment offriet ftit għajnuna liż-żewġ sewwieqa zgħazagħ Maltin li qed jieħdu sehem b’success fil-Kampjonat tat-Tazza (Honda) Civic.

 

Bernard Galea u Rodren Vella jinsabu kburin li se juru l-marka “żurMalta (visistmalta)” fuq il-karozzi tagħhom fuq il-korsa licenzjata mill-FIA ta’ 2.1 mili fi Croft fi tmiem din il-ġimgħa, u fi rounds li baqa’ tal-Kampjonat Tegiwa tat-Tazza Civic. Ic-cirkuwitu ta’ Croft li kien bażi tal-ajru tat-Tieni Gwerra Dinjija, għandu varjeta’ ta’ kantunieri ta’ velocita’ għolja u baxxa fl-imkien ma’ żewġ toroq dritti.

 

F’kull round ta’ dan il-Kampjonat tar-Renju Unit hemm żewġ tlielaq. Issa baqa’ 5 rounds oħra, inkluż dak ta’ tmiem din il-ġimgħa. Wara c-cirkuwitu ta’ Croft fin-North Yorkshire, ikun hemm ic-cirkuwitu kostali ta’ Anglesey ġewwa Wales, ic-cirkuwitu ta’ Silverstone f’Northamptonshire, ic-cirkuwitu ta’ Snetterton ġewwa Norfolk, u c-cirkuwitu ta’ Donington Park ġewwa Derby.

 

Minbarra l-Kampjonat tat-Tazza Civic, f’kull round ikun hemm 8 kampjonati oħra għall-karozzi differenti tat-tlielaq f’kull tmiem il-ġimgħa. Is-750 Motor Klabb li jorganizza dawn it-tlielaq jiggarantixxi tlielaq iffullati u b’sewqan interressanti. Dan ifisser li eluf ta’ dilettanti tat-tlielaq tal-karozzi jkunu preżenti għal dawn it-tlielaq li jsiru madwar ir-Renju Unit, inkluż Wales. Ħafna eluf oħra jaraw dawn it-tlielaq fuq il-Motors TV, u wara ħafna oħrajn jarawhom minn fuq l-Internet, specjalment il-YouTube.

 

Bernard u Rodren qed jikkompetu mas-sewwieqa ta’ quddiem, u l-kummentaturi Ingliżi il-ħin kollu jirreferu għalihom bhala s-sewwieqa Maltin. Għalhekk, Bernard u Rodren qed jgħatu pubblicita’ tajba lil Malta fir-Renju Unit. Id-dilettanti tat-tlielaq tal-karozzi magħrufin għall ivvjaġġar, u għalhekk l-Awtorita’ Maltija tat-Turismu għandha udjenza tajba f’dawn it-tlielaq.

 

Bernard qed igawdi mill-esperjenza li kiseb is-sena l-oħra f’din il-kwalita’ ta’ tlielaq, u din is-sena diġa spicca fit-tieni post fit-tieni tellieqa fic-cirkuwitu ta’ Brands Hatch.

 

Għal Rodren, din hi l-ewwel sena li qed jieħu sehen f’din il-kwalita’ ta’ tlielaq, iżda huwa qed jipprepara ruħhu sewwa għal kull tellieqa. Huwa qed jivvjaġġa kmieni matul il-ġimgħa biex jieħu sehem fi provi biex b’hekk jitgħallem ic-cirkuwitu sewwa qabel kull tellieqa.

 

Fic-cirkuwitu ta’ Donington fl-ewwel round, Rodren spicca fil-11 il-post fl-ewwel tellieqa u fid-9 post fit-tieni tellieqa. Fic-cirkuwitu ta’ Brands Hatch fit-tieni round, Rodren spicca tajjeb fir-4 posizzjoni fl-ewwel tellieqa, iżda fit-tieni tellieqa kellu jirtira minħabba ħsara mekkanika. Rodren jinsab fit-8 post tal-Kampjonat b’38 punt.

 

Bernard spicca fis-7 posizzjoni fl-ewwel tellieqa ta’ Donington, u fit-tieni tellieqa spicca tajjeb ħafna fir-4 post biex kiseb il-ħames post fil kamjonat bi 30 punt. Fit-tieni round ġewwa Brands Hatch Bernard kiseb it-3 post tal-kamjonat b’66 punt, wara li spicca 7 u fit-2 posizzjoni fl-ewwel u t-tieni tellieqa rispettivament.

 

Meta wieħed iqies li hawn Malta mgħandniex korsa tat-tlielaq, wieħed jifhem li Bernard u Rodren qed jagħmlu l-impossibbli meta qegħdin jikkompetu mas-sewwieqa Ingliżi li għandhom il-facilitajiet kollha biex jitgħallmu u jitħarrġu.

 

Huwa car li Bernard u Rodren għandhom it-talent u l-kapacitajiet kollha għat-tlielaq tal-karozzi. Id-dilettanti Maltin jawguraw ix-xorti tajba u l-aqwa success lil Bernard u Rodren fi tmiem din il-ġimgħa gewwa c-cirkuwitu ta’ Croft, fejn is-sewwieqa Maltin se jkunu qed jagħmlu ħilithom biex iżommu l-bandiera Maltija għolja.





Leave a comment