Propost il-format tal-kampjonat nazzjonali tal-futsal li jmiss

Monday, August 29, 2016, 14:43

 

Gavin Muscat

Wara talba qawwija sabiex il-Futsal Malta Association (FMA) terġa’ tilqa fi ħdanha numru ta’ timijiet amateur, billi fix-xahar t’Awwissu ħarġet sejħa għall-interess għal kampjonat 2016/17. Minn din is-sejħa deher ċar illi l-maġġoranza tal-klabbs jixtiequ kampjonat iktar rilassat mingħajr antagoniżmu żejjed u iktar iffokat fuq is-settur tal-amateurs.

Madanakollu l-FMA ħasset illi ma setgħetx twarrab l-interess ukoll ta’ dawk il-klabbs hekk imsejjha Elite, li minkejja li huma fil-minoranza, huma dawk li għandhom struttura professjonali u li tul dawn l-aħħar snin akkwistaw riżultati tajbin ħafna fil-kompetizzjonijet tal-UEFA u li qed jikkontribwixxu biex il-livell tal-logħba jikber.

Għal dan il-għan l-FMA għadha kif ħabbret format li jipprova jilħaq l-aspettativi ta’ dawn iż-żewg setturi. Għalkemm se jintlagħab kampjonat wieħed fuq żewġ rawnds għat-timijiet kollha, dawk reġistrati bħala Elite biss se jikkompetu għall-play offs finali biex jiġi determinat minn jikkompeti fil-UEFA Futsal Cup, filwaqt li dawk reġistrati bħala amateurs ikollhom il-play offs dedikati għalihom.

Filwaqt li r-reġistrazzjonijiet għall-klabbs se jaghlqu fil-ġranet li ġejjin, l-FMA ħabbret ukoll li għall-istaġun li ġej se tkun qiegħda tniedi għall-ewwel darba kompetizzjoni tal-futsal ghall-etajiet bejn it-12 u l-15-il sena.  Jidher li l-interess għall-dan il-kampjonat ġdid huwa inkorraġġanti ħafna.





Leave a comment