Problemi u nkwiet fil-Basketball

Monday, February 14, 2011, 9:07

minn Sandro Micallef.

Is-sitwazzjoni fil-logħob tal-irġiel għada wieqfa b’ħafna nies issa jistaqsu mhux biss x’qiegħed jiġri fir-realta imma x’wassal biex għadda wkoll it-tieni weekend mingħajr partiti. Mhux biss il-kampjonat huwa wieqaf imma saħansitra l-kompetizzjoniet l-oħra tant li nhar il-Ħamis 10 ta’ Frar kellhom jintlagħbu r-rounds preliminari tat-tazza Louis Borg u l-Bank of Valletta knock-out. Fi tmiem il-ġimgħa d-dieħla huma skedati s-semifinali tat-tazza Louis Borg u anke dawn huma fid-dubju speċjalment għal fatt li l-preliminari ma ntlagħbitx.

Id-deċiżjoni meħuda mill-bord tal-appelli li ma kienx maħtur skond l-istatut tal-Malta Basketball Association fit-28 ta’ Jannar hija l-qofol ta’ kollox. Minn dak inhar il-quddiem saru xi tentattivi biex kollox jiġi lura għan-normal pero s’issa m’hemm l-ebda qbil. Matul il-ġimgħa li għaddiet l-eżekuttiv tal-MBA iltaqa’ biex japprova lista ta’ membri li jistgħu ipoġġu fuq il-board tal-appelli u protesti. Tlieta minn dawn in-nies reġgħu semgħu l-appelli mressqa minn Luxol fuq is-sospensjonijiet ta’ Marco Mercieca u Robert Azzopardi. Wara li l-ewwel board magħmul biss minn Robbie Ebejer naqqas is-sospensjoni ta’ Marco Mercieca għal-logħba waħda minn ħamsa u ta’ Robert Azzopardi għal tnejn minn ħamsa, it-tieni board bidel bi ftit din id-deċiżjoni. Fil-waqt li ġiet ikkonfermata l-partita waħda għal Mercieca, is-sospensjoni ta’ Robert Azzopardi tnaqqset għal tliet partiti. Peress li l-problema prinċipali kienet dwar  il-partita li Mercieca lagħab kontra Siġġiewi, din id-deċiżjoni ma taffiet xejn mill-problemi li kien hemm. Il-pass li jmiss huwa laqgħa tal-president tal-MBA il-Maġistrat Antonio Mizzi mal-ħames presidenti tal-clubs li jiffurmaw l-ewwel diviżjoni tal-irġiel. Sorsi li tkellmu ma dan is-sit qalu li Siġġiewi qegħdin jitgħolbu li l-partita kontra Luxol terġa’ tintlagħab peress li Mercieca kien utilizzat b’deċiżjoni meħuda minn board li kien maħtur kontra l-istatut. Minn naħa l-oħra, Luxol qiegħdin isostnu li huma mxew ma dak li qaltilhom l-assoċjazzjoni u allura m’humiex se jaċċettaw li l-partita terġa’ tintlagħab. L-istess sorsi qalulna li min-naħa tagħhom Siġġiewi għandhom l-appoġġ ta’ clubs oħra f’din il-kwistjoni.

Ħadd ma jista’ jazzarda jgħid x’se jkun il-pass li jmiss. Forsi wara l-laqgħa ta’ nhar it-Tlieta jintlaħaq xi kompromess. Mhumiex esklużi deċiżjonijet drastiċi min -naħa tal-assoċjazzjoni. Min-naħa l-oħra l-players ilhom weqfin għal iktar minn ħmista- il ġurnata u qiegħdin jesprimu d-dwejjaq tagħhom kemm mal-clubs kif ukoll fuq is-sit ta’ Facebook. Għadu mhux magħruf kif u meta se jitkompla l-kampjonat pero’ s-sitwazzjoni hija waħda ta’ nkonvenjent kbir għal kulħadd.





2 Comments

  1. E. Farrugia says:

    Too much in favour of one club has been going for too long.

    [Reply]

  2. JOE MIZZI says:

    Also note U16 boys league has also stopped due to Luxol as they use players who are not supposed to play. Pity that games have stopped. We train 3 times a week but do not have game s for the past 3 weeks.

    [Reply]

Leave a comment