President Ġdid għall-Inter Club Malta

Wednesday, June 17, 2015, 19:45

Nhar il-Ġimgħa 5 ta Ġunju 2015 l-Inter Club Malta żamm il-Lagħqa Ġenerali Annwali tiegħu ġewwa l-bini tal-club f’Santa Venera. Din il-laqgħa, li kellha attendenza sabiħa, rat il-bidla fil-Presidenza tal-Inter Club Malta fejn wara 21 sena ta’ tmexxija, John Zammit, iddeċieda li ma jerġax jikkontesta għall-kariga fil-kumitat.

Il-President il-ġdid tal-Inter Club Malta huwa Dr. Chris Bonett, avukat ta’ 33 sena illi fil-kumitat preċedenti kien iservi bħala Viċi President. Dr. Bonett huwa rinomat għall-involviment tiegħu fil-logħba tal-futbol, fejn bħalissa qiegħed iservi bħala Viċi President tal-Malta Football Association.

F’kelmtejn tal-okkażjoni s-Sur John Zammit irringrazzja lil kull minn ħadem miegħu fil-kumitat u lil dawk kollha li x’mod jew iehor għinu lil club biex jibqa għaddej, izda l-aħħar u mhux l-inqqas lill-membri leali ta’ Inter Club Malta. Huwa elenka bi pjaċir avvenimenti sbieħ li seħħew waqt il-presidenza tiegħu fosthom il-bini tal-club f’Santa Venera, li llum huwa proprjeta’ assoluta tal-membri tal-Inter Club Malta, il-ftuħ uffiċjali tal-club mill-ex-President ta’ FC Internazionale l-mibki Giacinto Facchetti fl-2002 u l-avveniment li permezz tiegħu f’Lulju ta’ 2011 l-Inter Club Malta kien irnexxielu iġib il-tazzi mirbuħa mit-team ta’ Inter matul l-istaġun storiku 2009/10. Is-sur Zammit temm id-diskors tiegħu billi awgura lill-Kumitat il-ġdid ħeġġa u entużjażmu għal-dan il-Club .

Wara, waqt l-elezzjoni għall-ħatra tal-kumitat ġdid għas-sentejn li ġejjin, ġie elett bħala President il-ġdid tal-Inter Club Malta l-avukat Chris Bonett.

Fl-ewwel indirizz tiegħu lill-membri il-President il-ġdid Dr. Bonett, irringrazzja lil John Zammit għax xogħol u suċċessi li għamel tul dan iż-żmien ta’ presidenza tiegħu. Huwa ħeġġeġ lill-interisti kollha Maltin jingħaqdu mal-Inter Club Malta peress illi kienu ġejjin żminijiet eċċitanti għall-club fejn filwaqt illi t-tajjeb ħafna li sar fiż-żmien John Zammit ser jiġi preservat, ser isiru numru ta’ kambjamenti immirati biex jieħdu l-club ‘il quddiem. Waħda mill-affarijiet li ħabbar il-president il-ġdid kienet illi mill-bidu tal-istaġun 2015/16 il-membri ser ikunu jistgħu jiġu jaraw il-logħob kollu ta’ l-Inter ġewwa l-Club b’xejn.

Dr. Bonett mill-ġdid fakkar lill-membri sabiex jattendu bi ħġarhom għall-attivitajiet li ser jorganizza l-Club waqt iż-żjara tal-ex player tal-Inter Nicola Berti, b’mod partikolari l-ikla li ser issir ġewwa l-Grand Hotel Excelsior nhar is-Sibt 20 ta’ Ġunju u l-attivita’ għall-membri li ser issir ġewwa l-Inter Club Malta il-Ħadd 21 ta’ Ġunju filgħodu, u ħeġġeġ lil dawk preżenti sabiex jikkuntattjaw lill-club għall-biljetti.

Fl-aħħar tad-diskors tiegħu Dr. Chris Bonett ippropona mozzjoni, li ġiet issekondata mill-ambaxxatur Anthony De Bono, biex is-Sur John Zammit isir President Onorarju tal-Inter Club Malta, liema mozzjoni ġiet approvata unanimament mill-membri preżenti.





Leave a comment