Podju għal Schembri fl-Italja, filwaqt li Zammit u Agius rebħu l-Autocross f’Malta

Wednesday, June 12, 2019, 7:38

Nhar il-Ħadd li ġej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) ser tkompli bil-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro 2018-2019 li jasal għall-aħħar attivitá tal-istaġun. Din l-attivta ser issir fil-Barriera tal-Fawwara Limiti tas-Siggiewi u tibda fl-għaxra ta filgħodu.

Intant nhar il-Ħadd li għadda l-ASMK kompliet bl-attivitajiet tal-Karozzi Autocross fejn ġiet organizzata l-għaxar tiġrija tal-istaġun Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2018/2019. Għal din l-attività irreġistraw 15-il kompetitur maqsuma f’żewġ klassijiet, dik Autocross Modified u Autocross Standard.

Il-mewġa ta’ sħana li laqtet il-pajjiz ma kienetx waħda faċli kemm għas-saħħa tas-sewwieqa kif ukoll għal temperaturi għoljin tal-magni, imma fost dawn l-isfidi xorta waħda rajna spettaklu ta’ sewqan fejn matul il-Heats tal-ġurnata Melo Zammit fuq Opel Corsa iddomina u rnexxielu jirbaħ żewġ Heats minn tlieta. B’hekk Zammit kien l-ewwel sewwieq li assigura postu fil-finali Klassi A. Ikkwalifikaw ukoll Terence Azzopardi fuq Opel Corsa, Ryan Scicluna fuq Ford Fiesta, Christian Mark Galea fuq Fiat Punto, Jean Paul Grech fuq Opel Corsa u Karl Micallef fuq Opel Corsa.

Is-sitt finalisti għamlu ħruġ tajjeb, b’Azzopardi ħa t-tmun tal-finali segwit minn Zammit u Galea. Qabel tmiem l-ewwel dawra Azzopardi u Galea ħadu l-Joker Lap u Zammit spiċċa ħa t-tmun tal-finali segwit minn Scicluna u Grech. Fit-tielet dawra Zammit ħa l-Joker Lap imma bil-vantaġġ li kellu irnexxielu xorta jżomm it-tmun tal-Finali sa’ tmiem it-tiġrija. Zammit irreġistra rebħa oħra f’dan l-istaġun segwit minn Azzopardi, Scicluna, Micallef, Grech u Galea rispettivament.

Għall-finali Klassi B ħadu sehem Theo Micallef fuq Ford Fiesta, Joseph Micallef fuq Opel Corsa, Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova, Joseph Spiteri fuq Opel Corsa u Brandon Lee Vassallo fuq Peugeot 205. Theo Micallef u Joseph Micallef kellhom ħruġ tajjeb ħafna, b’Theo fuq quddiem segwit minn Joseph Micallef. Theo u Joseph ħadu l-Joker Lap meta Pisani spiċċa jillidja l-finali. Din it-tiġrija kompliet b’Pisani li beda jkabbar il-vantaġġ fuq is-segwaċi tiegħu, biss meta kienet waslet il-ħames dawra kien imiss lil Pisani li jieħu l-Joker Lap fejn irnexxielu wara din l-azzjoni jkompli jilidja. Iżda fl-aħħar dawra Joseph Micallef irnexxielu jissupera lil Pisani ftit qabel it-tmiem. Il-finali spiċċat b’Joseph Micallef rebbieħ segwit minn Pisani u Theo Micallef. Spiteri daħal viċin ħafna ta’ Theo iżda fir-raba’ post u tnaqqsulu tliet punti minħabba li laqat il-cones. Fil-ħames post daħal Vassallo.

Fil-Klassi Autocross Standard, Kyle Agius fuq Opel Nova kompla iddomina din il-klassi u rebaħ il-finali tal-ġurnata, minkejja l-problemi tekniċi li kellu. Jerome Peplow fuq Kia Avella u Johann Vella fuq Opel Nova rebħu t-tieni u t-tielet postijiet.

Attività oħra bil-karozzi mistennija ssir nhar is-Sibt 22 ta’ Ġunju 2019 u tibda fis-sitta ta’ filgħaxija, fejn din ser tkun l-ewwel avveniment ta’ bil-lejl tal-istaġun.

Intant l-ASMK għandha diversi sewwieqa li huma liċenzjati biex itellqu bil-muturi fiċ-ċirkwit u dawn qed jieħdu sehem f’attivitajiet barra l-pajjiz. Din id-darba kien imiss lill-Silio Schembri fuq mutur BMW RR1000 li ħa sehem fit-tieni rawnd tat-Trofeo Centro Italia Velocita. Schembri kellu taħriġ intensiv li bil-fors kellu jsir barra l-pajjiż, minħabba li hawn Malta ma għandnix ċirkwit adattat. Matul il-kwalifikazzjoni Schembri kellu jħabbat wiċċu ma’ xejn inqas minn 12-il kompeititur ieħor, iżda minkejja li dawn kienu ta’ sfida għal Schembri, huwa rnexxielu jagħmel ħin eċċelenti, tant li spiċċa beda t-tiġrija uffiċjali mir-raba’ post. Matul it-tiġrija li kienet twila 10 dawriet ma’ ċirkwit twil erba’ kilometri, Schembri kompla jagħmel ħiltu biex ma jitlifx postu u spiċċa mal-ewwel tlieta. Minkejja l-isforsi tiegħu Silio irnexxielu jirbaħ it-tielet post fuq il-podju.

Schembri mistenni jerġa jieħu sehem f’Lulju li ġej fiċ-ċirkwit ta’ Perugia u f’Ottubru f’Valle Lunga fl-Italia.

Iktar informazzjoni tinsab fuq is-sit elettroniku www.asmk.org.mt jew fil-paġni ta’ Facebook A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew iċempel fuq 9942 5489.





Leave a comment