Pisani, Vella u Micallef rebbieħa fl-ASMK Autocross

Thursday, December 12, 2019, 8:03

L-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) se tkompli bil-Kampjonat Nazzjonali Motocross 2019/2020 nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru 2019 u bil-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro 2019/2020 il-Ħadd 15 ta’ Diċembru 2019. L-attivitajiet jibdew fl-għaxra ta’ filgħodu bl-attività Motocross li se ssir fil-Kumpless Sportiv tal-Assoċjazzjoni f’Ta’ Qali, filwaqt li l-Enduro se tiġi organizzata fil-Barriera tal-Fawwara.

Intant nhar il-Ħadd li għadda, l-ASMK organizzat it-tieni attvità mill-Kampjonat Nazzjonali Autocross 2019/2020 sponsorjat mid-ditta Pasta Poiatti. Għal din l-attività rreġistraw 20 karozza maqsuma f’żewġ klassijiet, dik Modified u dik Standard.

Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova rebaħ il-Heats kollha tal-ġurnata biex mill-ewwel sab postu fil-finali Klassi A. Ma’ Pisani kkwalifikaw Karl Micallef fuq Opel Corsa, Noel Zammit fuq Fiat Punto, Jean Paul Grech fuq Peugeot 106, Ryan Scicluna fuq Ford Fiesta u Kurt Aquilina fuq Opel Corsa.

Mat-tluq ta’ din il-finali l-finalisti kollha ħarġu flimkien iżda Micallef ħa t-tmun tat-tiġrija segwit viċin minn Pisani u Grech. Il-finali kompliet billi wieħed wara l-ieħor bdew jagħmlu użu mill-Joker Lap. Matul it-tielet dawra Micallef irtira minħabba ħsara mekkanika fir-rota ta’ quddiem u postu ħadu Grech segwit minn Pisani u Scicluna. L-attenzjoni daret fuq l-ewwel iż-żewġ kompetituri li kienu qed jiġru flimkien, iżda fl-aħħar dawra Grech ħa l-Joker Lap u irnexxielu jibqa jżomm postu. Iżda ftit qabel tmiem it-tiġrija, Pisani irnexxielu jsib l-okkażjoni biex jieħu post Grech, tant li Pisani spiċċa rebaħ il-finali segwit minn Grech, Scicluna, Aquilina u Micallef.

Fil-Finali ta’ Klassi B ħadu sehem Justin Buttiġieġ fuq Opel Nova, Ivan Birmingham fuq Suzuki Swift, Noel Vella fuq Ford Fiesta, Nicolai Aquilina, Karl Curmi u Gilmor Cauchi kollha fuq karozzi Opel Corsa. Mat-tluq ta’ din il-finali Vella kien fuq quddiem segwit minn Aquilina u Buttigieg. Fir-raba dawra, Aquilina żviluppatlu ħsara u kellu jirtira waqt li Buttiġieġ avvanza pożizzjoni flimkien ma’ Birmingham. Dan tal-aħħar ftit qabel tmiem il-finali kellu jirtira wkoll minħabba ħsara mekkanika fil-magna biex b’hekk Vella rebaħ segwit minn Buttigieg, Curmi u Cauchi.

Fil-Finali tal-Klassi Standard ħadu sehem tliet kompetituri. Jerom Peplow fuq Kia Avella, Joseph Micallef fuq Opel Nova u Melvin Buttigieg fuq Citroen AX. Sal-finali spiċċaw it-tiġrija Peplow u Micallef b’dan tal-aħħar rebaħ il-finali tal-ġurnata.

L-attività li jmiss bil-karozzi se ssir nhar il-Ħadd 22 ta’ Diċembru bl-aħħar waħda tas-sena u se ssir ukoll l-24 edizzjoni tad-Demolition Derby 2019. L-attività tibda fl-għaxra ta’ filgħodu u fit-tlieta ta’ waranofsinhar tibda d-Demolition Derby li għaliha rreġistraw 46 karozza.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha fis-sit elettroniku www.asmk.org.mt jew fil-paġna Facebook bl-isem Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew Mobile 9942 5489.

Ritratti ta’ Mario Micallef





Leave a comment