Pieta jinnominaw lid-Dede waqt l-inawgurazzjoni tat-turf il-ġdid

Thursday, January 6, 2011, 16:58

Pietà Hotspurs inawguraw wiċċ sintetiku ġdid fil-ground tagħhom biswit il-klabb kif ukoll komplew jirrinovaw il-faċilitajiet sportivi li minnhom mhux biss igawdi t-tim tal-kbar iżda wkoll numru kbir ta’ tfal li jattendu n-nursery tal-Hotspurs.
L-inawgurazzjoni tal-wiċċ sintetiku l-ġdid saret nhar it-Tlieta filgħaxija, data li fiha kull sena jiġi kkommemorat il-ftuħ tal-każin il-ġdid. Filfatt din is-sena ħabtet l-20 sena mill-ftuħ tal-każin il-ġdid filwaqt li l-wiċċ sintetiku nbidel wara 10 snin.
Il-proġett tal-bdil tal-wiċċ sintetiku kien iffinanzjat mill-MFA permezz tal-programm Hat-Trick filwaqt li Pietà Hotspurs ħatfu l-okkażjoni jkompli jtejbu l-faċilitajiet tagħhom għal servizz dejjem aħjar tal-plejers tagħhom.
Għal din l-okkażjoni tkellmu l-president ta’ Pietà H., Edward Schembri, il-president tal-MFA, Norman Darmanin Demajo, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clyde Puli, u s-Sindku Dr Malcolm Mifsud.
Fid-diskorsi tal-okkażjoni filwaqt li ngħatat spjega tal-iżviluppi li għadda minnhom il-klabb matul is-snin, kien hemm kliem ta’ tifħir għall-viżjoni li dejjem kellhom il-Hotspurs biex illum il-komunità u l-plejers tal-klabb jistgħu jibbenefikaw mill-kumpless armat b’dak kollu dovut għal-logħba tal-futbol.
Wara sar it-tberik tal-irħama mill-Arçisqof l-E.T., Pawlu Cremona, fil-preżenza ta’ diversi mistednin distinti fosthom ukoll tal-kelliemi tal-Partit Laburista għall-Isports, Chris Agius.

Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-president tal-Hotspurs, Edward Schembri, ħabbar li f’mozzjoni mressqa mill-kumitat ġie deċiż li bħala klabb jinnominaw ukoll lill-president tal-MFA, Norman Darmanin Demajo, għall-elezzjoni tal-Eżekuttiv tal-UEFA.





1 Comment

  1. Belti says:

    Ma nahsibx li l-okkazzjoni kienet il-hin opportun li tinnomina lill-Darmanini Demajo. Setghet saret x’imkien iehor u f’waqtha. Imma bhal kwazi dejem l-affarijiet fil-futbol Malti ma jsirux bis-sens.

    [Reply]

Leave a comment