- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Piciollo ta’ Valletta jirbaħ l-unur għal Marzu

Posted By Sportinmalta On April 6, 2018 @ 12:29 pm In Featured,Football | No Comments

Matteo Piciollo ta’ Valletta FC huwa l-BOV Plejer tax-Xahar għal Marzu 2018.

Il-plejer Taljan li jilgħab fuq ix-xellug tal-grawnd seraq ix-xena fir-rebħa ta’ Valletta fuq Tarxien Rainbows bl-iskor ta’ 2-0, tant li ntgħażel bħala l-BOV Plejer tal-Partita. Fl-ewwel minuta tat-tieni taqsima tal-partita, Piciollo ta xutt insidjuż mill-ġenb li l-gowler ta’ Tarxien Cassar irnexxielu biss jitfa’ barra meta mess il-ballun eżatt mal-lasta l-mimduda. Ftit mumenti wara Piciollo interċetta tqassima ta’ Andrew Agius, tela’ mal-ġenb u b’xutt sabiħ fir-rokna tal-lasta rnexxielu jegħleb lil Cassar, biex b’hekk it-total ta’ gowls tiegħu f’dan l-istaġun issa tela’ għal sitt gowls.

Huwa kien qrib ukoll li jagħti vantaġġ lil Valletta fir-rebħa tagħhom bl-iskor ta’ 1-0 fuq St Andrews meta eżatt wara nofs siegħa logħob, huwa rċieva l-ballun minn tqassima ta’ Miguel Angel Alba imma x-xutt mill-qrib tiegħu laqat il-lasta l-wieqfa. Il-lasta l-wieqfa reġgħet ċaħħditu mill-gowl fit-42 minuta wara attentat tajjeb minn fuq ix-xellug.

Charles Grech Soler, il-Maniġer Eżekuttiv tal-Fergħa tal-BOV fi Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta ppreżenta t-trofew tal-BOV Plejer tax-Xahar għal Marzu 2018 lil Piciollo li għażel lil Puttinu Cares skont ix-xewqa tiegħu biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/piciollo-ta-valletta-jirbah-l-unur-ghal-marzu/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.