Phoenix The Chef Bistro jirritornaw għar-rebħ

Tuesday, November 26, 2013, 22:35

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

Phoenix The Chef Bistro 59

Mellieħa Tritones 38

(9-11)(15-7)(18-9)(17-11)

Phoenix The Chef Bistro irritornaw għar-rebħ wara tlett telfiet konsekuttivi u għamlu dan kontra Mellieħa Tritones li kienu rebħulhom fil-logħob tas-shield.  Phoenix kienu team mibdul minn dak li tilef kontra Hibs ġimgħa qabel fil-waqt li Mellieħa kellhom wirja diżappuntanti. Għal Phoenix kien hemm nieqes Clayon Agius però rritorna Jonathan Ransley. Il-partita kellha bidu kwiet tant li sa nofs is-sessjoni Mellieħa kellhom basket vantaġġ 5-3 bil-punti ta’ Phoenix jaslu minn Andres Toompere u għal Mellieħa kien hemm il-punti tal-aħwa Aquilina. Mellieħa komplew bil-punti ta’ John Muscat u Glenn Gauchi Grech biex kabbru l-vantaġġ 11-5 però Phoenix għamlu żewġ baskets minn Goran Mitrovic u Antoine Costa u naqqsu d-distakk 11-9. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu, Phoenix kellhom run qawwija ta’ 12-0 b’Mitrovic dominanti speċjalment taħt il-boards fejn ħa diversi offensive rebounds. Wara seba’ minuti waslu l-ewwel punti ta’ Mellieħa b’żewġ freethrows ta’ Joshua Aquilina. Is-sessjoni kompliet bi trippla fuq kull naħa minn Costa u Clint Grixti u fl-intervall Phoenix kellhom vantaġġ ta’ sitt punti 24-18.

Phoenix bdew it-tielet sessjoni b’żewġ baskets oħra ta’ Mitrovic. Mellieħa wieġbu bi trippla ta’ Rihards Polis u punti ta’ Aquilina u Musct u naqqsu d-distakk għal 5 punti 25-30. Phoenix wettqu reazzjoni u għamlu run oħra ta’ 10-0 b’aktar punti ta’ Mitrovic flimkien ma’ Christian Briffa u Luke Azzopardi biex fetħu vantaġġ ta’ 15 –il punt 42-27. Fl-aħħar perjodu, Mellieħa kellhom trippla oħra minn Polis għalkemm f’nofshu kienu għadhom il-bogħod mill-avversarji 34-46. Huma kisbu żewġ baskets oħra minn Michel Farrugia u Glenn Gauchi Grech però dawn kienu l-aħħar punti tagħhom fil-partita. Phoenix komplew b’run ta’ 12-0 bi trippla oħra ta’ Costa biex rebħu l-partita 59-38.

Phoenix The Chef Bistro: L. Azzopardi 4, G. Micallef, R. Marin, K. Azzopardi, D. Debattista, R, Curmi, C. Camenzuli 2, J. Ransley 5, C. Briffa 4, A. Costa 11, G. Mitrovic 29, A. Toompere 4.

Mellieħa Tritones: C. Grixti 4, M. Farrugia 3, J. Muscat 3, J. Sant, S. Aquilina 5, P. Magro, O. Sammut, J. Aquilina 7, R. Polis 12, P. Cauchi, G. Gauchi Grech 2, K. Cucciardi 2.

Referees: Clive Terribile, Emanuel Mangani

Miscela D’oro Mtarfa 47

SN Suns 58
(23-12)(8-14)(7-16)(9-16)

Miscela D’oro Mtarfa kellhom bidu tajjeb speċjalment fl-ewwel sessjoni iżda ma kienx biżżejed biex jieħdu rebħa kontra SN Suns biex dawn tal-aħħar jibdew l-impenji tagħhom fil-kampjonat b’rebħa. Suns kellhom nieqsa lil Reno Camilleri u Keith Scicluna u għal Mtarfa rritorna Matthew Borg. Mtarfa fetħu qawwi u kellhom run ta’ 15-4 bi trippli ta’ Jarnis Viibe u Samuel Zammit flimkien ma’ Kurt Xuereb u Michael Agius. Suns kellhom il-punti ta’ Igor Marjanovic u Robert Mercieca però Mtarfa żiedu l-vantaġġ bi break ieħor ta’ 8-2 b’żewġ baskets oħra ta’ Xuereb u temmew is-sessjoni 23-12 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu kien hemm bilanċ hekk kif Mtarfa kellhom trippla u basket minn Nicholas Grech b’Micheal Barberi u Hubert Agius wieġbu għal Suns. Suns komplew b’run oħra ta’ 9-0 bi trippla ta’ Marjanovic biex sal-intervall naqqsu d-distakk għal 5 punti 26-31.

Wara l-intervall Suns ħadu ħadu tlett minuti biex ġabu l-iskor indaqs 31-31 wara trippla ta’ Simon Cauchi. Mtarfa reġgħu marru minn fuq bi trippla ta’ Daniel Farrugia iżda Suns wieġbu bi break ieħor ta’ 11-2 bi trippla ta’ Barberi u punti konsekuttivi minn Agius u temmew is-sessjoni 42-38 minn fuq. Fir-raba’ sessjoni Mtarfa reġgħu ħadu l-vantaġġ wara run ta’ 7-2 li għalquha bi trippla ta’ Grech. Basket fuq kull naħa ħalla lil Mtarfa minn fuq però minn hawn ‘l quddiem waslu biss punti ta’ Suns fi break ta’ 12-0 b’diversi punti ta’ Barberi biex rebħu l-partita 58-47.

Miscela D’oro Mtarfa: J. Attard 2, M. Agius 5, K. Xuereb 6, C. Calleja, V. Petrovic 2, N. Grech 10, D. Farrugia 5, S. Zammit 11, J. Viibe 5, M. Borg, D. Schembri 1.

SN Suns: A. Pace, S. Borg, L. Grech 9, H. Agius 8, M. Barberi 16, S. Farrugia 2, A. Bianchi 4, R. Mercieca 2, S. Cauchi 4, I. Marjanovic 13.

Referees: Bernard Vassallo, Clive Terribile.

Lightning Mondays 20

Hibs 117
(2-38)(6-19)(6-41)(6-19)

Ftit hemm x’jingħad fuq din il-partita li rat id-debutt tat-team Lightning Mondays jiffaċjaw il-qawwa u l-entużjażmu ta’ Hibs li kellhom rebħa kbira ta’ 117-20. Lightning Mondays huwa magħmul minn players mingħajr esperjenza però xtaqu jikkompetu fil-basketball lokali. Minn naħa tagħhom Hibs kellhom diversi players jiksbu l-punti għalkemm spikka Svens Niedritis li kellu 51 punt bi 8 three pointers.

Għal kronoka ngħidu li Hibs kienu diġa għamlu 16 –il punt fl-ewwel ħames minuti tal-partita b’diversi punti ta’ Niedritis . L-uniku basket ta’ Lightning Mondays wasal minn Luca Randazzo wara li Hibs kienu għamlu 36 punt. Fit-tieni perjodi kien hemm it-trippli ta’ Kieron Caruana u Luke Farrugia għal Hibs għalkemm Lightning Mondays kellhom il-punti minn Daniel Caruana u Matthew Caruana biex fl-intervall Hibs kienu 57-8 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni beda s-show ta’ Niedritis bi three pointer wara l-ieħor partikolarment fis-sitt minuta meta għamel 4 wara xulxin Hibs temmew is-sessjoni 98-14 minn fuq u fit-tielet minuta tal-aħħar taqsima freethrows ta’ Jordan Flagel rawhom jilħqu l-mitt punt. Fl-aħħar ħinijiet kien hemm il-punti konsekuttivi ta’ Christopher Bugeja għal skor finali ta’ 117-20.

Lightning Mondays: T. Womack, D. Caruana 6, L. Randazzo 6, M. Caruana 4, D. Godwani 4, A. Micallef, M. Slim, C. Mifsud.

Hibs: S. Niedritis 52, J. Scott Flagel 7, B. Zammit 2, L. Farrugia 14, S. Atttard 4, A, Baldacchino 6, K. Caruana 11, K. Vella, K. Sultana 2, R. Carabott 1, G. Agius 4, C. Bugeja 14.

Referees: Emanuel Mangani, Teemu Helenius





Leave a comment