Phoenix Frank Salt b’rebħa fuq ic-champions

Monday, January 19, 2015, 20:58

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

St. Nicholas Suns 40
Phoenix Frank Salt 45

(13-14)(14-13)(7-7)(6-11)

F’partita li xi ftit jew wisq ġiet ikkundizzjonata mill-kundizzjoni tal-art tal-padiljun kawża tal-umdita, Phoenix Frank Salt kisbu t-tieni rebħa tal-kampjonat meta għelbu lic-champions renjanti St. Nicholas Suns 45-40. Iż-żewġ timijiet kellhom xi players neqsin fejn Suns kienu mingħajr Alex Bianchi fil-waqt li Phoenix kienu mingħajr Matthew Bonnici u Andres Toompere però rritorna Clayton Camenzuli wara assenza twila. Għal Phoenix kien hemm ukol il-prestazzjoni tajba ferm ta’ Daniel Cuenca Grimaldos. Il-partita kellha bidu kwiet fejn għal Suns kien hemm it-trippla ta’ Robert Camilleri. Phoenix wieġbu bil-punti ta’ Grimaldos li kellhu wkoll żewġ three pointers. Wara li Jonathan Ransley kabbar il-vantaġġ ta’ Phoenix , Hubert Agius, Lee Grech u Simon Cauchi bi trippla naqqsu d-distakk għal Suns 14-13. Fit-tieni sessjoni kien hemm bilanċ bejn iż-żewġ timijiet fejn wara li Phoenix kabbru l-vantaġġ għal erba’ punti 28-22, Suns wieġbu bi break ta’ 7-0 biex reġgħu marru minn fuq. Qabel l-intervall Phoenix kellhom it-trippla ta’ Antoine Costa għal skor ta’ 27-27.

Fit-tielet sessjoni, kien hemm nixfa ta’ punti fuq iż-żewġ naħat. Costa beda bi trippla għal Phoenix però kellhom jagħddu seba’ minuti biex saru aktar punti. Suns kellhom il-baskets ta’ Grech u Hubert Agius. Iż-żewġ timijiet baqgħu f’partita u l-aħħar sessjoni kienet deċisiva. Hawn Phoenix bdew bi tlett trippli konsekuttivi, 2 ta’ Costa u ieħor ta’ Darren Debattista. Suns wieġbu biss b’żewġ baskets ta’ Grech u ieħor ta’ Cauchi biex Phoenix rebħu l-partita 45-40.

St. Nicholas Suns: A. Pace, R. Camilleri 3, L. Grech 10, H. Agius 11, M. Barberi 2, , R. Mercieca 4, R. Camilleri 1, S. Cauchi 9.

Phoenix Frank Salt: L. Azzopardi, G. Micallef 2, D. Pisani, R. Curmi, D. Debattista 3, M. Fenech, D. Cuenca 20, A. Costa 12, J. Ransley 8, C. Camenzuli.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani.

 

Mellieħa Mr. Green 53

Starlites 37

(12-13)(9-7)(12-9)(20-9)

Mellieħa Mr. Green kellhom jistennew sal-aħħar taqsima biex jegħlbu l-isfida qalbiena taż-żgħażagħ ta’ Starlites li sa’ tmiem it-tielet sessjoni żammew il-pass mal-avversarji. Mellieħa kienu mingħajr Sam Aquilina u Rihards Polis però akkwistaw lil Ian Terribile wara perjodu wieqaf mil-logħba. Kienu Starlites li fetħu tajjeb bil-punti ta’ Thomas Grech u Alec Felice Pace. Mellieħa kellhom ir-risposta tasal minn Joshua Aquilina, Michel Farrugia u Clint Grixti. Iż-żewġ timijiet baqgħu jirrispondu lil xulxin qabel ma free-throw ta’ Miguel Falzon ta l-vantaġġ lil Starlites 13-12. Mellieħa reġgħu dawwru l-iskor fit-tieni taqsima li però kienet ta’ skor baxx.Għal darbtejn Starlites irnexxielhom jieħdu l-vantaġġ però basket ta’ Aquilina ra lil Mellieħa jidħlu jistrieħu punt minn fuq 21-20.

Wara l-intervall l-andament tal-partita baqa’ l-istess bil-Mellieħa jiftħu vantaġġ ta’ 5 punti 27-22 wara baskets minn Aquilina u Grixti. Starlites irkupraw u kellhom break ta’ 7-0 bi trippla ta’ Grech u baskets minn Clive Schembri u Anthony Schembri. Mellieħa mbagħad kellhom sitt punti mingħajr risposta fosthom l-ewwel punti ta’ Terribile biex temmew il-perjodu 33-29 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni Starlites ikkrollaw u Mellieħa bdew b’run ta’ 11-0 b’aktar punti ta’ Aquilina u Terribile. Starlites waqqfulhom din ir-run b’żewġ baskets ta’ C. Schembri però Terribile kellhu trippla għal Mellieħa. Wara li A. Schembri għamel trippla għal Starlites, Mellieħa għamlu l-aħħar punti tal-partita permezz ta’ Robert Loporto biex ħarġu rebbieħa 53-37.

Mellieħa Mr. Green: C. Grixti 11, M. Farrugia 10, J. Muscat 4, R. Loporto 6, P. Cauchi,  J. Aquilina 15, I. Terribile 7, B. Soler, P. Magro.

Starlites: A. Schembri 9, T. Gatt, D. Massa, C. Doublet, C. Schembri 6, M. Falzon 5, A. Felice Pace 2, J. Agius, J.P. Borg 2, L. Vella, T. Grech 13.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.





Leave a comment