Pavi Depiro u Starlites jikkwalifikaw għas-semifinali

Monday, November 25, 2013, 20:24

BANK OF VALLETTA KNOCK-OUT IRĠIEL

Pavi Depiro u Starlites jikkwalifikaw għas-semifinali

Pavi Depiro 89

Bupa Luxol 79
(19-25)(18-18)(13-16)(23-14)(16-6)

Din il-partita kellha tiġi deċiża fil-ħin barrani hekk kif wara l-erbgħin minuta regolamentari kellna parita 73-73. Għal ħafna ħin, Bupa Luxol kienu fuq quddiem però Pavi Depiro rnexxielhom isalvaw il-partita fl-aħħar sessjoni fil-waqt li kienu dominanti fil-ħin barrani. Iż-żewġ timijiet kienu bil-formazzjoni solita tagħhom bl-eċċezzjoni ta’ Andrew Micallef Trigona li kien nieqes għal Luxol. Il-partita kellha bidu kwiet tant li wara l-ewwel erba’ minuti kien hemm parita ta’ 6-6. Hawn Luxol għamlu l-ewwel break tal-partita b’disa’ punti mingħajr risposta b’żewġ baskets ta’ Michael Myres Keitt u ieħor ta’ Adrian Micallef flimkien ma’ trippla ta’ Jean Paul Schembri. Depiro waqqfulhom din ir-run b’basket ta’ Isaac Tanti iżda Luxol kellhom risposta mmedjata bi break ieħor ta’ 10-0 bi trippli ta’ Myres Keitt u Schembri biex marru 25-9 minn fuq. Depiro rnexxielhom itemmu l-perjodu b’mod tajjeb hekk kif għamlu 10 punti mingħajr risposta bi trippli ta’ Turrell Morris u Andrew Aquilina għal skor ta’ 25-19. Fit-tieni taqsima Luxol reġgħu kabbru l-vantaġġ wara trippla ta’ Micallef. Fil-ħames minuta Depiro kellhom run ta’ 11-0 li temmewha bi trippla tal-Amerikan Morris biex għal-ewwel darba marru minn fuq 32-30. Hawn kellna r-risposta ta’ Luxol bil-punti ta’ Myres Keitt, Marco Mercieca u trippla ta’ CJ Cordina biex daħlu jistrieħu 43-37 minn fuq.

Wara l-intervall, Luxol reġgħu fetħu tajjeb bi trippla ta’ Myres Keitt u basket ta’ Micallef u marru 13 minn fuq 50-37. Għal Depiro kien hemm il-punti ta’ Morris u Aquilina iżda Nikola Vasovic u Micallef wieġbu għal-Luxol. Punti ta’ Morris u Roderick Vella reġgħu ressqu lil Depiro viċin però Luxol kienu għadhom 59-50 minn fuq meta bdiet l-aħħar taqsima. Wara xi minuti bla basket, kien Marco Mercieca li żied il-vantaġġ ta’ Luxol. Hawn Depiro kellhom tlett trippli konsekuttivi minn Morris u Aquilina f’run ta’ 11-0 u ġabu l-iskor indaqs 61-61. Schembri kellhu trippla għal-Luxol iżda freethrows ta’ Anton Axiaq taw vantaġġ lil Depiro. Reġa kien Schembri li poġġa lil Luxol minn fuq fit-tmien minuta b’Abraham Portelli jippareġja mill-ġdid. Sat-tmiem iż-żewġ naħat kellhom il-freethrows biex baqgħu viċin xulxin u l-partita ntemmet 73-73. Fil-ħin barrani, Luxol marru minn fuq b’basket ta’ Myres Keitt. Hawn Depiro kellhom run ta’ 10-0 b’żewġ trippli ta’ Morris għal skor ta’ 83-75. Luxol ma setgħux jerġgħu jirkupraw minkejja baskets ta’ Myres Keitt u Cordina hekk kif l-aħħar punti tal-partita ġew minn Axiaq u Vella biex Depiro rebħu l-partita 89-79.

Pavi Depiro: R. Vella 7, B. Zammit, N. Sultana 6, T. Morris 39,  A. Aquilina 14, A.Portelli 8, S.P. Bartolo, A. Axiaq 10, E. Lupo, I. Tanti 5.

Bupa Luxol: C.J. Cordina 5,  M. Mercieca 7, A. Micallef 15, C. Cassar ,J.P. Schembri 14, N. Vasovic 6, T. Paris, M. Myres Keitt 32, J. Willoughby, S. Capello.

Referees: Emanuel Mangani, Stephen Micallef, Steve Gouder.

Starlites 59

Remax Siġġiewi Citadel 55

(11-6)(17-20)(16-18)(15-11)

Wara li l-ġimgħa li għaddiet Remax Siġġiewi Citadel għelbu lil Floriana fil-kampjonat dan ir-riżultat jista’ jitqies bħala sorpriża hekk kif Starlites ħarġu rebbieħa 59-55. Siġġiewi ma rnexxielhomx jirrepetu l-wirja li kellhom ġimgħa qabel u f’waqtiet irrikorrew għal logħob individwali li ma ħalla l-ebda frott. Starlies kienu dixxiplinati fl-attakk u dawwru l-ballun sakemm jasal għand is-Serb Marco Todorovic jew Robert Bonnici li bejniethom għamlu 37 punt mid-59 totali. Għal Siġġiewi rritornaw Chris Sammut u Marco Matijevic. Fil-ftuħ tal-partita kellna nuqqas ta’ punti hekk kif kien fir-raba’ minuta li Robert Loporto fetaħ il-punteġġ. Ir-risposta ta’ Siġġuewu damet ma waslet tant li kellna nistennew sas-seba’ minuta bil-freethrows ta’ Alan Borg. Huma komplew b’basket ta’ Louis Camilleri u Sammut iżda Starlites għalqu t-taqsima bi break ta’ 7-0 bi trippla ta’ Bonnici u temmewha 11-6 minn fuq. Fit-tieni sessoni kien hemm il-punti ta’ Saviour Bonnici u Graham Coleiro għal Starlites b’Sammut jagħmel trippla għal Siġġiewi. Żewġ baskets minn Matijevic bdew run ta’ 9-0 minn Siġġiewi flimkien ma’ basket ta’ Ivo Hoeger u Lee Ross biex huma marru minn fuq 20-19. Starlites malajr wieġbu bil-punti tal-aħwa Bonnici b’Robert ikollu trippla u huma daħlu jistrieħu 28-26 minn fuq.

Wara l-mistrieħ, Siġġiewi bdew bil-punti ta’ Sammut, Hoeger u Ross u reġgħu ħadu l-vantaġġ 31-28. Huma komplew iżidu l-punteġġ tagħhom speċjalment permezz ta’ Hoeger u fis-seba’ minuta kienu 38-32 minn fuq. Starlites ma ċedewx u wieġbu b’run ta’ 10-0 b’Todorovic dominanti u reġgħu marru minn fuq 42-38. Steve Sammut għamel tripppla għal Siġġiewi flimkien ma’ ħuh Chris biex is-sessjoni ntemmet f’parita 44-44. Fl-aħħar taqsima Todorovic reġa poġġa lil Starlites fuq quddiem u trippla ta’ Robert Bonnici rathom ikabbru l-vantaġġ għal 5 punti 53-48. Siġġiewi qatt ma rnexxielhom jerġgħu jieħdu l-vantaġġ u l-aktar li waslu viċin kien punt 54-55 fit-tmien minuta. Minn hemm ‘l quddiem kien hemm il-freethrows għal Starlites minn Todorovic u Loporto biex Starlites kisbu t-tieni rebħa tagħhom fuq Siġġiewi dan l-istaġun 59-55.

Starlites: M. Todorovic 18, R. Loporto 5, R. Bonnici 19, A. Schembri, S. Bonnici 10, J. Curmi, A. Cutajar, G. Szokreny 2, B. Soler 1, G. Coleiro 4, M. Vassallo.

Remax Citadel Siġġiewi: C, Doublet, A. Debattista, S. Sammut 5, C. Sammut 14, N. Falzon, L. Camilleri 3, A. Borg 2, L. Ross 12, J.P. Antoncic, I. Hoeger 13, M. Mallia, M. Matijevic 6.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Teemu Helenius





5 Comments

  1. Michael Caruana says:

    Well done Starlites – great game.

    As for Siggiewi – one win does not make a season…

    [Reply]

    brimba Reply:

    Hemm hu. Kont f’mohhi.
    Il-mibeda li ghandek lejn is-Siggiewi u lejn Karl iggalek tkun ferhan se ttir f’mumenti bhal dawn.
    U BTW ma nafx x’knowledge ghandek tal-loghba biex tghid li Startlites ghamlu a great game. Rebhu ghax Siggiewi ma kienux 100 %. Issa naraw kemm se jerbhu nhar il-Hadd. Jaf jerga jiddispjacik.

    [Reply]

  2. Brimba says:

    U issa nistennew lis-sur Michael Caruana jigi jmaqdar. Jghid li hu mis-siggiewi imma fl-istess hin jiehu pjacir li s-Siggiewi jitilfu. 

    [Reply]

  3. BasketballLover says:

    According to the player stats above, Siggiewi scored a total of 75 points, so which is correct? 55 or 75?

    [Reply]

    sportinmalta1 Reply:

    Thanks. We had a minor mistake – now it’s corrected.

    [Reply]

Leave a comment