Pavi Depiro u Siġġiewi jisfurzaw it-tielet partita

Monday, March 18, 2013, 22:35

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA IRĠIEL – PLAYOFFS 

minn Colin Schembri

Pavi Depiro 71

A to Z Electronics Athleta 53

(17-15)(16-11)(17-5)(21-22)

 

Pavi Depiro rnexxielhom jieħdu r-rebħa li kellhom bżonn meta għelbu lil A to Z Electronics Athleta 71-53. Wara li c-champions rebħu l-ewwel semifinali, din id-darba Depiro ikkontrollawhom fid-difiża speċjalment fit-tielet sessjoni meta fl-attakk batew ħafna biex jagħmlu l-punti. Anke t-turnovers kienu għolja u l-coach Joe Galea irid jaħdem mal-players tiegħu biex jevitaw dawn l-iżbalji. Minn naħa ta’ Depiro kellhom wirja qalbiena fid-difiża speċjalment kontra t-twal tal-Athleta fejn lanqas Michael Naudi ma kien effettiv daqs l-ewwel logħba. Depiro fetħu l-partita bi trippla minn Roderick Vella u sa nofs l-ewwel perjodu kienu 10-5 minn fuq. Athleta wieġbu bil-punti ta’ Marco Todorovic u Omar Said. Wara li Vella għamel it-tieni trippla tiegħhu kien hemm oħra minn Said però basket ta’ Shawn Morgan ra lil Depiro jtemmu s-sessjoni fuq quddiem 17-15. Fit-tieni sessjoni beda jberraq għac-champions għaliex wara li bdew bi trippla ta’ Steve Schembri u basket ta’ David Bugeja huma kellhom diversi minuti mingħajr punti. Depiro bdew jinqatgħu bil-mod bil-punti ta’ Morgan, Vella, Isaac Tanti u Nigel Sultana. Fid-disa’ minuta Depiro kienu 13 minn fuq wara basket ta’ Tanti. Hawn Athleta rnexxielhom jagħmlu sitt punti fosthom basket mal-horn ta’ Schembri wara li seraq ballun biex fl-intervall Depiro kienu fuq quddiem 33-26.

Ir-reazzjoni tal-Athleta ma waslitx wara l-intervall kontra dak li ġieli ġara f’partiti oħra. Anzi kienu Depiro li żiedu l-vantaġġ wara li fetħu b’sitt punti mingħajr risposta. Todorovic għamel freethrow minn tnejn imma Depiro komplew b’run oħra ta’ 9-0 bi trippla ta’ Andew Aquilina għal vantaġġ ta’ 21 punt 48-27. Is-sessjoni għalqet b’basket fuq kull naħa u fil-ftuħ tal-aħħar taqsima id-distakk ma nbidilx wara l-ewwel tlett minuti. Minn hawn il-quddiem ic-champions tħabtu biex jerġgħu jidħlu fil-partita però għall-punti ta’ Schembri  u Todorovic wieġeb Vella bi three pointer ieħor u basket minn Abraham Portelli. Fis-seba’ minuta Athleta naqqsu d-distakk għal 10 punti 49-39 però hawn sofrew tlett baskets konsekuttivi minn Depiro li tawhok ftit tan-nifs u vantaġġ ta’ 16 –il punt 65-49. Ma kienx għad fadal ħin u l-partita għalqet bi trippla ta’ Schembri u basket ta’ Shawn Morgan biex issa tintlagħab it-tielet partita.

 

Pavi Depiro: R. Vella 9, N. Sultana 3, K. Kun, A. Aquilina 8, A. Portelli 7, D. Agius, E. Lupo, M. Mallia 2, I. Tanti 7, S. Morgan 35.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi  2, S. Hagul, D. Bugeja 6, M. Todorovic 13,  M. Giusti, E. Bezzina 2, O. Said 7, S. Pace 1, W. Spiteri, K. Baldacchino 6, S. Schembri 16.

Referees: Emanuel Mangani, Clive Terribile, Jacques Abeng.

 

Siġġiewi 83

 

Floriana Francesco Fenech 69

(22-17)(25-20)(15-18)(21-14)

 

Siġġiewi kellhom l-aħjar logħba tagħhom taħt it-tmexxija ta’ Alfred Mifsud u waħda mill-aħjar partiti tal-istaġun meta fit-tieni semifinali tal-playoffs għelbu lil Floriana Francesco Fenech 83-69. Siġġiewi kellhom lil Peter Shoults u Marco Matijevic f’burdata mill-aqwa fil-waqt li Floriana iddependew wisq fuq l-Amerikan Matt Glass għall-punti tagħhom. Siġġiewi kellhom nieqes lil Clayton Agius fil-waqt li Floriana rkupraw lil Mark Ciantar. Il-bidu tal-partita kien bilanċjat biex fit-tielet minuta Siġġiewi kellhom punt vantaġġ. Huma komplew bi break ta’ 12-2 bi trippla ta’ Shoults u wara li Glass ukoll kiseb trippla għal Floriana Matijevic għalaq is-sessjoni bis-Siġġiewi minn fuq 22-17. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu Siġġiewi komplew iżidu l-vantaġġ b’żewġ baskets ta’ Matijevic u trippla ta’ Shoults biex fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 32-22. Floriana wieġbu bil-punti ta’ Dirk Schembri u trippla oħra ta’ Glass però Shoults flimkien ma’ Matijevic u Eman Xuereb żiedu l-vantaġġ ta’ Siġġiewi. Alan Borg kompla bi trippla għal Siġġiewi fil-waqt li Glass u Bevan Scott Camilleri għalqu l-perjodu għal Floriana biex fl-intervall kien hemm 10 punti jifirdu liż-żewġ timijiet bis-Siġġiewi minn fuq 47-37.

Wara l-intervall Siġġiewi reġgħu bdew bi break qasir ta’ 8-4 u fit-tielet minuta żiedu d-distakk 55-41. Hawn Floriana ġew lura b’run ta’ 10-2 bil-baskets ta’ Schembri u Camilleri. Għal Siġġiewi kien hemm il-freethrows ta’ Borg u wara baskets Furjaniżi minn Glass u Camilleri, Shoults għamel trippla eżatt mal-ħin biex Siġġiewi bdew l-aħħar taqsima 7 minn fuq 62-55. Huma bdew ir-raba’ sessjoni bil-freethrows ta’ Shouls u Matijevic u baskets ta’ Chris Meier. Trippli ta’ Borg u Xuereb raw lil Siġġiewi jżidu l-vantaġġ 75-61 però Floriana reġgħu resqu viċin bil-punti ta’ Glass, Schembri u Clayton Calleja. Fl-aħħar minuta kienu Siġġiewi biss li għamlu l-punti biex rebħu l-partita 83-69 biex huma wkoll sfurzaw it-tielet partita.

 

Siġġiewi: N. Falzon, P. Shoults 21, E. Xuereb 10, A. Borg 10, C. Meier 12, A. Fekete, M. Matijevic 30.

Floriana Francesco Fenech: A. Baldacchino, B. Scott Camilleri 14, D. Camilleri, M. Glass 32, C. Sammut 3, I. Mercieca, C. Calleja 4, D. Schembri 16, M. Ciantar, S. Saakian.

Referees: Emanuel Mangani, Steve Gouder, Clive Terribile

 

It-tielet partita tinltagħab hekk:

 

Il-Ħadd 24 ta’ Marzu – 13:00 – Floriana Francesco Fenech vs Siġġiewi (3)

Il-Ħadd 24 ta’ Marzu – 16:30 – A to Z Electronics Athleta vs Pavi Depiro (3)





Leave a comment