Pavi Depiro jżommu t-tazza Louis Borg

Friday, March 21, 2014, 19:14

TAZZA LOUIS BORG NISA

minn Colin Schembri

Pavi Depiro 58

Caffè Moak Luxol 62

(9-19)(12-14)(15-10)(22-19)

Ic-champions Pavi Depiro rebħu t-tazza Louis Borg għat-tieni sesna konsekuttiva u għas-sitt darba fl-istorja tagħhom meta minkejja li tilfu t-tieni leg 58-62 rebħu t-tazza b’aggregate ta’ 125-114. Depiro baqgħu jitħabtu minkejja li għal xi ħin Luxol resqu viċin li jdawwru r-riżultat. Partita li kien fiha diversi spunti bħal l-injuries li sofrew Samantha Brincat ta’ Depiro u Patricia Bright ta’ Luxol li però bi sforz komplew il-partita fil-waqt li l-Amerikana ta’ Depiro Nola Taylor ikkomettiet ir-raba’ foul tagħha fit-tmiem it-tieni sessjoni però kompliet il-partita kollha. Kif mistenni Luxol ħarġu agressivi biex jippruvaw jirkupraw id-distakk ta’ 15 –il punt li bdew il-partita bih. Huma għamlu l-ewwel tmien punti tal-partita kollha minn Bright u Steffi De Martino. L-ewwel punti ta’ Depiro waslu minn Brincat b’basket u trippla fil-waqt li kellhom ukoll basket ta’ Gaby Mifsud. Luxol kellhom żewġ baskets minn Bright u trippla ta’ Kirsten Baldacchino bi Brincat terġa twieġeb għal Depiro. L-aħħar punti tat-taqsima ġew minn Greta Costa u De Martino għal Luxol li temmewha 10 minn fuq 19-9 u naqqsu l-iżvantaġġ bl-aggregate għal 5 punti. Fit-tieni perjodu kien hemm il-punti ta’ Taylor u Brincat għal Depiro fl-ewwel ħames minuti. Luxol bdew iwieġbu fis-sitt minuta b’żewġ baskets ta’ De Martino u segwew il-punti ta’ Bright biex kabbru l-vantaġġ għal 14 –il punt 27-13. Depiro wieġbu bil-punti ta’ Taylor u għalkemm Costa kellha trippla, Brincat ukoll għamlet trippla għal Depiro qabel ma Luxol għalqu l-perjodu b’basket ta’ De Martino għal skor ta’ 33-21.

Depiro bdew it-tielet taqsima b’run ta’ 9-3 b’punti minn Beverlee Zammit fosthom trippla. Luxol wieġbu b’punti ta’ Bright u Mandi Mercieca iżda Depiro kellhom trippla ta’ Brincat u punti minn Martina Mifsud biex il-vantaġġ ta’ Luxol niżel għal seba’ punti 43-36. Fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni kien hemm il-punti ta’ Taylor għal Depiro u De Martino għal Luxol. Iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex id-distakk baqa’ ta’ ħames punti favur Luxol però Depiro kienu għadhom 10 minn fuq fl-aggregate. Depiro komplew isaħħu r-riżultat wara punti minn Gaby Mifsud u trippla ta’ Taylor. Luxol bdew iwaqqfu l-arloġġ bil-fouls però Depiro żammew kalmi fuq il-freethrow line u żammew il-vantaġġ li kellhom bl-aggregate u rebħu t-tazza. Fi tmiem il-partita l-President Emeritus tal-MBA is-Sur Louis Borg ippreżenta t-trofew lil Samantha Brincat captain ta’ Pavi Depiro.

Pavi Depiro: N. Agius, G. Mifsud 4, T. De Martino, S. Brincat 20, D. Sammut, M. Mifsud 1, A. Borg 5, N. Taylor 20, N. Donoghue, S. Micallef, B. Zammit 8.

Caffè Moak Luxol: M. Caruana, M. Mercieca 3, B. Naudi, P. Ellul, G. Costa 8, K. Portelli, S. De Martino 22, K. Baldacchino 3, P. Bright 26, M. Darmanin, C. Curmi.

Referees: Bernard Vassallo, Clive Terribile, Emanuel Mangani





Leave a comment