Pavi Depiro jisfurzaw il-ħames partita b’wirja mill-aqwa

Wednesday, May 1, 2013, 22:37

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL NISA FINALI

minn Colin Schembri

Pavi Depiro 75

Luxol 56

(25-17)(23-6)(8-7)(19-26)

Pavi Depiro ħallew warajhom il-wirjiet li kellhom fit-tieni u t-tielet partita u b’wirja mill-aqwa għelbu lic-champions Luxol 75-56 u meritatament sfurzaw il-ħames partita biex issa l-kampjonat tan-nisa jiġi deċiż nhar il-Ħadd li ġej. Il-partita kienet fil-kontroll ta’ Depiro sa’ mill-ewwel ħinijiet u kien biss fl-aħħar sessjoni li Luxol naqqsu xi ftit id-distakk però qatt ma kienu ta’ theddida. Luxol kienu fil-vantaġġ biss fil-bidu tal-partita wara żewġ baskets minn Mandi Sciortino u ieħor ta’ Becky Naudi. Hawn Depiro għamlu run qawwija ta’ 18-2 b’diversi punti ta’ Latisha Belcher, Steffi De Martino, Samantha Brincat u Beverlee Zammit biex fis-sitt minuta kienu 22-8 minn fuq. Luxol ppruvaw jirkupraw u għaqqdu break ta’ 8-0 qabel ma Brincat għalqet is-sessjoni bi trippla għal skor ta’ 25-17. Ir-reazzjoni ta’ Luxol ma waslitx fit-tieni sessjoni biex Depiro kellhom run oħra ta’ 10-0 b’aktar punti minn Belcher biex kabbru d-distakk 35-17. Greta Zarb flimkien ma’ Sciortino waqqfulhom din ir-run però għal ftit għax Depiro wieġbu bi three pointers minn De Martino u Brincat u fl-intervall kienu 48-23 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni l-punti naqsu fuq iż-żewġ naħat biex Depiro setgħu jżommu vantaġġ komdu. F’nofs is-sessjoni Beverlee Zammit kellha trippla għal Depiro għalkemm Sarah Pace, li kellha partita kwieta, wkoll wieġbet bi trippla għall-ewwel punti tagħha. Fi tmiem il-perjodu Depiro kienu għadhom 26 minn fuq 56-30. Fl-aħħar taqsima c-champions kellhom break ta’ 9-2 bi trippla ta’ Greta Zarb. Belcher reġgħet wieġbet għal Depiro però iktar punti minn Zarb u Brincat raw lil Luxol inaqqsu d-distakk għal 17 –il punt 45-62. Depiro rkupraw u basket ta’ Belcher u trippla oħra ta’ De Martino kabbrulhom il-vantaġġ għal darb’oħra 67-45. L-aħħar sforz ta’ Luxol issarraf f’run qasira ta’ 7-0 però Depiro ma waqfux u kellhom trippla ta’ De Martino f’run oħra ta’ 7-0. Luxol għalqu l-partita bil-punti ta’ Mollie Williams u Zarb però kienu Depiro li ħarġu rebbieħa 75-56 biex sfurzaw il-ħames partita. Din issa se tkun deċisiva u tintlagħab il-Ħadd 5 ta’ Mejju fl-16:30.

Pavi Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud 2, F. Biancho 2, S. Brincat 17, M. Bonnett, S. De Martino 19, M. Mifsud, M. Scicluna 1, L. Belcher 27, S. Micallef, B. Zammit 7.

Luxol: S. Pace 3, M. Sciortino 17, C.Medina, B.Naudi 6, J. B. Gaerty, G. Zarb 15, P. Ellul 4, M. Williams 5, D. Muscat 6, M. Darmanin, K. Portelli.

Referees:  Bernard Vassallo, Clive Terribile, Emanuel Mangani

Statistika…

Depiro

Free throws – 14 on 20

Baskets – 20 on 43

Three pointers – 7 on 18

Rebounds – 42

Assists – 18

Turnovers – 20

Steals – 13

Fouls Suffered – 18

Fouls Made – 22

Luxol

Free throws – 20 on 23

Baskets – 15 on 42

Three pointers – 2 on 10

Rebounds – 33

Assists – 5

Turnovers – 22

Steals – 13

Fouls Suffered – 18

Fouls Made – 22





Leave a comment