Pavi Depiro jirkupraw u jirritornaw għar-rebħ

Monday, November 17, 2014, 19:46

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL NISA

minn Colin Schembri

Honey Athleta 68

Pavi Depiro 88

(14-13)(23-18)(17-23)(14-34)

Pavi Depiro rritornaw għar-rebħ wara li kienu tilfu fl-ewwel ħarġa tagħhom fil-kampjonat u għelbu lil Honey Athleta 88-68. Athleta kienu mingħajr Lindsey Pirotta u Depiro kellhom nieqsa lil Petra Montanaro. Minkejja li l-iskor finali jagħti rebħa ta’ 20 punt lil Depiro, kien biss fl-aħħar sessjoni li Depiro ħadu l-partita f’idejhom speċjalment mit-tielet minuta ‘l quddiem. Depiro kellhom l-ewwel punti tal-partita bi trippla ta’ Nicole Agius u basket mill-Amerikana Siarre Evans. Ir-risposta ta’ Depiro waslet mill-punti ta’ Lonneke Cassar, Emma Moore u Amelia Simmons fosthom trippla biex marru 8-5 minn fuq. Athleta żammew il-vantaġġ wara iktar punti minn Cassar u Simmons iżda qabel ma ntemmet it-taqsima kien hemm il-punti ta’ Maria Bonett għal Depiro għal skor ta’ 14-13. Depiro marru fuq quddiem b’basket ta’ Agius fil-bidu tat-tieni sessjoni però Athleta rrispondew b’sitt punti oħra.  Iż-żewġ timijiet baqgħu jirrispondu lil xulxin u Depiro ġabu l-iskor indaqs wara baskets ta’ Svetlana Micallef u trippla ta’ Samantha Brincat 28-28. Athleta għalqu t-taqsima bi break ta’ 9-2 bi tlett baskets ta’ Simmons u daħlu jistrieħu 37-31 minn fuq.

Depiro bdew aħjar fit-tielet sessjoni u bil-punti ta’ Gaby Mifsud u Evans marru fuq quddiem fis-sitt minuta 42-41. Wara trippla fuq kull naħa minn Simmons u Mifsud, Depiro komplew isaħħu l-vantaġġ b’baskets minn Claire Ciantar u Brincat u trippla oħra ta’ Agius. Ir-risposta tal-Athleta ġiet minn żewġ baskets ta’ Moore biex ir-raba’ taqsima bdiet biż-żewġ timijiet f’parita 54-54. Fl-aħħar perjodu Deprio bdew b’ħames punti minn Evans b’Moore twieġeb għal Athleta. Hawn iżda Depiro ħadu l-partita f’idejhom u għamlu run qawwija ta’ 13-0 biex marru 72-56 minn fuq. Athleta dehru maħsuda u minkejja li wieġbu b’żewġ baskets minn Cassar, Depiro reġgħu għamlu seba’ punti oħra mingħajr risposta. Depiro issa fetħu vantaġġ ta’ 19 –il punt u baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem biex ħarġu rebbieħa 88-68.

Honey Athleta: E. Moore 8, S. Vella, L. Cassar 17, L. Sciberras 4, M. Azzopardi Duca, D. Said Hollier 2, A. Simmons 28, R. Sciberras, F. Farrugia 6, S.J. Barbara 3, C. Mifsud.

Pavi Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud 13, R. Calleja, S. Brincat 17, M. Bonett 10, N. Agius 13, M. Mifsud, S. Evans 28, S. Micallef 5, C. Ciantar 2.

Referees: Cesar Baena, Louis Abuin (ESP).

Hibs 50

Caffè Moak Luxol 56

(10-15)(10-15)(12-12)(18-14)

Ġimgħa wara li rebħulhom fis-semifinali tas-St. James Hospital Shield, Caffè Moak Luxol reġgħu għelbu lil Hibernians 56-50 biex bdew id-difiża tat-titlu b’rebħa. Ic-champions kellhom bidu tajjeb tal-partita però lejn it-tmiem kellhom isofru r-rimonta tal-Hibs li però ma kienitx biżżejjed għalijhom. Hibs għamlu l-ewwel punti minn Nadia Mifsud iżda fit-tielet minuta Luxol bdew run ta’ 9-0 fejn kellhom trippla ta’ Sarah Pace u l-punti ta’ Laekitha Alston. Hibs wieġbu bil-punti ta’ Christina Grima u Silvia Gambino però Luxol temmew is-sessjoni 15-10 minn fuq wara punti ta’ Steffi De Martino. Fil-bidu tat-tieni perjodu kien hemm three pointers fuq kull naħa fejn Gambino bdiet għal Hibs bil-Luxol iwieġbu bit-trippli ta’ Pace, Beverlee Zammit u De Martino u Luxol fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 26-16. Sal-mistrieħ ir-ritmu naqas biex Luxol baqgħu 10 minn fuq 30-20.

Fit-tielet sessjoni Luxol kellhom il-punti minn Alston u Sarah Pace b’Elena Cassar u Julia Scerri jwieġbu għal Hibs. Luxol kabbru l-vantaġġ għal 15 –il punt 40-25 iżda Hibs reġgħu ġew lura bil-punti ta’ Grima u għal darb’oħra 10 punti kienu jifirdu liż-żewġ timijiet fi tmiem it-taqsima 42-32. Fl-aħħar taqsima kien hemm il-punti ta’ Joselle Borg Cardona u Alston għal Luxol u huma kabbru d-distakk 48-34. Hawn Hibs ġew lura bil-punti konsekuttivi ta’ Grima u t-trippli ta’ Ema Micallef biex fid-disa’ minuta basket biss kien jifred liż-żewġ timijiet 50-52. Però fl-aħħar minuta kienu biss Luxol li għamlu l-punti biex huma ħarġu rebbieħa 56-50.

Hibs: E. Micallef 11, E. Cassar 3, S. Gambino 6, F. Mifsud, J. Xuereb, M. Desira 1, C. Grima 21, K. Portainer Mifsud, N. Mifsud 6, I. Agius, N. Farrugia, J. Scerri 2.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 12, B. Zammit 3, M. Caruana 2, I. Medina, S. Tabone,  S. De Martino 8, K. Portelli, J. Borg Cardona 8, P. Ellul 2, L. Alston 19, M. Darmanin 2, C. Curmi 2.

Referees: Gordon Barbara, Clive Terribile.





Leave a comment