Pavi Depiro jikkwalikaw fl-aktar partita kumbattuta

Thursday, December 19, 2013, 16:48

Caffè Moak Luxol 92

Phoenix Petrus Pizza Loyola 23

(20-8)(29-7)(20-4)(23-4)

Caffè Moak Luxol ma kellhom l-ebda diffikulta biex jiksbu rebħa fl-ewwel leg tat-tazza Louis Borg meta għelbu lil Phoenix Petrus Pizza Loyola 92-23 u prattikament għalqu d-diskors tal-kwalifikazzjoni. Luxol kellhom nieqsa lil Becky Naudi fil-waqt li għal Phoenix Ivana Stancic ħadet post Ivana Dordevic. Luxol mal-ewwel ħadu l-inizjattiva u marru 13-4 minn fuq bil-punti ta’ Patricia Bright u Steffi DeMartino bi trippla. Għal Phoenix il-punti ġew minn Gulia Muscat i iżda Luxol komplew iżidu l-vantaġġ bil-punti ta’ Mandi Mercieca u trippla ta’ Greta Costa għal skor ta’ 20-8. Luxol komplew jiddominaw fit-tieni perjodu u kellhom b’diversi runs qosra u f’nofs it-tieni sessjoni kienu 37-14 minn fuq. Phoenix ftit setgħu jirrispondu hekk kif Luxol kellhom il-punti kontinwi minn Costa, DeMartino u Bright  f’run oħra ta’ 12-0 u fl-intervall kienu 49-15 minn fuq.

Wara l-mistrieħ kellhom jagħddu tlett minuti biex waslu l-ewwel punti minn trippla ta’ Ina Medina għal Luxol. Phoenix kellhom żewġ baskets minn Martha Gatt iżda Luxol komplew bi break ieħor ta’ 11-0 li għalquha b’basket ta’ Mercieca għal skor ta’ 69-19. Fir-raba’ sessjoni l-andament tal-partita baqa’ l-istess hekk kif Phoenix setgħu jagħmlu biss erba’ punti minn Gatt u Francesca Camilleri. Luxol għalqu l-partita bil-baskets taż-żgħażagħ Paula Ellul, Martina Darmanin u Christina Curmi f’run ta’ 15-0 biex rebħu l-partita 92-23.

Caffè Moak Luxol: K. Baldacchino 2, M. Mercieca 4, I. Medina 3, P. Ellul 8, G. Costa 16, K. Portelli 2, S. De Martino 16, M. Caruana 1, P. Bright 19, M. Darmanin 8, C. Curmi 13.

Phoenix Petrus Pizza Loyola: J. Stancic, Y. Agius 2, M. Gatt 9, J. Millo, M. Bajada, G. Muscat 6, M.R. Agius, F. Camilleri 4, L. Pace 2.

Referees: Emanuel Mangani, Svezsdan Dobrosaviljevic

Pavi Depiro 48

Honey Athleta 39
(13-4)(11-8)(11-16)(13-11)

Pavi Depiro warrbu l-mument diffiċli li għaddejin minnu fil-kampjonat u għelbu lil leaders preżenti Honey Athleta 48-39 biex fetħu vantaġġ ta’ disa’ punti għat-tieni leg. Bil-maqlub għal li ġara ġimgħa qabel fil-kampjonat, din id-darba Depiro bdew aħjar mill-avversarji u minkejja li sofrew ir-rimonta lejn it-tmiem xorta ħarġu rebbieħa. Wara baskets minn Emma Moore għall-Athleta kien hemm break ta’ 13-2 minn Depiro fosthom trippla ta’ Gaby Mifsud u żewġ baskets kull waħda minn Maria Bonett u Antoinette Borg. Depiro komplew iżidu l-vantaġġ fit-tieni perjodu meta bdewh bi break ieħor ta’ 7-2 bi trippla ta’ Samantha Brincat. Hawn waslu l-ewwel punti minn Ijeoma Ofomata għall-Athleta però Depiro daħlu jistrieħu b’vantaġġ doppju 24-12.

Wara l-intervall Athleta bdew aħjar u għax għamlu tlett baskets minn Ofomata, Leanne Sciberras u Lonnecke Cassar. Depiro reġgħu kabbru l-vantaġġ għal 10 punti f’nofs is-sessjoni wara trippla ta’ Borg. Is-sessjoni kompliet biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin kontinwament b’Sciberras tagħmel diversi punti għall-Athleta u Depiro temmew il-perjodu minn fuq 35-28. Fir-raba’ taqsima Depiro kellhom trippla minn Martina Scicluna biex marru tmienja minn fuq 38-30. Hawn Athleta kellhom run ta’ 9-0 bil-punti ta’ Cassar u Ofomata biex marru minn fuq 39-38 f’nofs is-sessjoni. Il-coach ta’ Depiro Gabriele Alesse għajat time-out u dan serva ta’ ġid għax minn hemm ‘l quddiem Depiro ddominaw il-partita. Huma għamlu run ta’ 10-0 biex rebħu l-partita 48-39.

Pavi Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud 3, J. Peterkin 8, S. Brincat 9, M. Bonett 8, M. Scicluna 7, M. Mifsud, A. Borg 11, D. Honogue, D. Sammut, S. Micallef, B. Zammit 2.

Honey Athleta: E. Moore 2, M.C. Cilia, J. Xuereb, L. Cassar 7, L. Sciberras 10, R. Sciberras, I. Ofamata 14, E. Vella, A. Demanuele, F. Farrugia 2, S.J. Barbara 2, C. Mifsud 2.

Referees: Steve Gouder, Teemu Helenius.

Phoenix Petrus Pizza Loyola 22

Caffè Moak Luxol 92

(2-25)(4-25)(10-21)(6-21)

Caffè Moak Luxol kisbu rebħa kważi identika fuq Phoenix Petrus Pizza Loyola 92-22 fit-tieni leg. Phoenix kellhom biss ħames players għal din il-partita u wieħed jittama li l-futur ta’ dan it-team jitranġa b’mod partikolari fl-ogħla livell tal-basketball. Għall-kronaka ngħidu li l-partita kienet f’idejn Luxol sa’ mill-ewwel jumpball u rebħu l-ewwel sessjoni 25-2 fejn fost l-oħrajn kellhom il-punti ta’ Steffi De Martino, Greta Costa u Patricia Bright. Fit-tieni sessjoni Luxol għamlu l-ewwel tlett baskets bil-Phoenix jwieġbu bi tnejn oħra minn Martha Gatt. Luxol komplew il-partita b’run ta’ 19-0 biex daħlu jisrieħu 50-6 minn fuq.

Fil-bidu tat-tielet sessjoni Phoenix kellhom żewġ baskets oħra minn Gatt u Melania Bajada. Luxol wieġbu partikolarment mill-ħames minuta ‘l quddiem u għamlu run ta’ 14-0 għal skor ta’ 71-16. L-ewwel basket tal-aħħar sessjoni ġie minn Maria Rita Agius għal Phoenix. Luxol komplew b’21 punt oħra b’punti ta’ Greta Costa u Paula Ellul biex rebħu l-partita 92-22.

Phoenix Petrus Pizza Loyola: M. Gatt 10, M. Bajada 4, G. Muscat 4, F. Camilleri, M.R. Agius 4.

Caffè Moak Luxol: K. Baldacchino, M. Mercieca 4, J. Seghatomleslami 1, B. Naudi 8, P. Ellul 8, G. Costa 18, K. Portelli 2, S. De Martino 19, M. Caruana 7, P. Bright 16, M. Darmanin 3, C. Curmi 6.

Referees: Emanuel Mangani, Stephen Micallef

Honey Athleta 49 

Pavi Depiro 48

(16-5)(17-14)(6-17)(10-12)

Din nistgħu ngħidu li kienet l-aktar partita kumbattuta mil-logħob kollhu li sar mir-round preliminari. Pavi Depiro bdew dan it-tieni leg b’vantaġġ ta’ 9 punti iżda Honey Athleta kienu diġa nnewtariżżawh fl-ewwel sessjoni biex kollox reġa mill-bidu. Depiro kellhom mument tajjeb fit-tielet sessjoni u dan kien deċisiv għalijhom. Wara li Depiro fetħu l-iskor b’basket tal-Amerikana Joncelyn Peterkin, l-attakk tagħhom waqaf hemm għal kważi s-sessjoni kollha. Athleta minn naħa l-oħra kellhom 14 –il punt mingħajr risposta bi trippla ta’ Emma Moore u l-punti ta’ Lonnecke Cassar, Leanne Sciberras u Ijeoma Ofomata. Hawn reġgħu dehru Depiro bi trippla ta’ Beverlee Zammit iżda Athleta kellhom basket ieħor minn Ofomata biex għalqu s-sessjoni 16-5 minn fuq u ġabu l-iskor indaqs bl-aggregate 53-53. Fl-ewwel tlett minuti tat-tieni perjodu Athleta għamlu tlett baskets oħra biex żiedu l-vantaġġ 22-5. Hawn Depiro rkupraw u ghamlu break ta’ 10-2 bi trippli minn Antoinette Borg u Samantha Brincat biex naqqsu d-distakk għal 9 punti 15-24. Athleta ma waqfux u rkupraw bi break ta’ 9-0 li għalquh bi trippla ta’ Cassar però qabel l-intervall Depiro kellhom żewġ baskets minn Brincat u Maria Bonett biex fl-intervall Athleta kienu fuq quddiem 33-19.

Fit-tielet taqsima, Athleta kisbu l-ewwel punti tagħhom b’basket ta’ Francesca Farrugia fir-raba’ minuta. Depiro wieġbu bi break ta’ 13-4 fejn kellhom it-three pointers minn Brincat u Beverlee Zammit minn nofs il-court u naqqsu d-distakk għal 3 punti fil-partita 36-39 però reġgħu ħadu vantaġġ ta’ sitt punti fl-aggregate. Fil-bidu tal-aħħar sessjoni ż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin biex Depiro setgħu iżommu l-vantaġġ bl-aggregate għalkhemm Athleta kienu minn fuq 43-41. Athleta kellhom erba’ punti oħra biex fid-disa’ minuta kienu 47-41 minn fuq iżda 3 minn taħt bl-aggregate. Fl-aħħar minuta, Depiro kellhom freethows minn Peterkin u Bonett u three pointer ieħor stupend minn Zammit biex minkejja li Athleta rebħu l-partita 49-48, Depiro avvanzaw għas-semifinali.

Honey Athleta: E. Moore 3, M.C. Cilia, J. Xuereb, L. Cassar 7, L. Sciberras 11, R. Sciberras, I. Ofamata 20, E. Vella, A. Demanuele, F. Farrugia 6, S.J. Barbara, C. Mifsud 2.

Pavi Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud 2, J. Peterkin 8, S. Brincat 12, M. Bonett 9, M. Scicluna, M. Mifsud, A. Borg 5, N. Honogue, N. Agius, S. Micallef, B. Zammit 12.

Referees: Steve Gouder, Clive Terribile.





Leave a comment