Pavi Depiro jibqgħu jittamaw wara rimonta stupenda

Monday, February 22, 2016, 13:04

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA – IRĠIEL

minn Colin Schembri

Floriana Cafè Del Mar 83

Gżira Athleta 74

(14-26)(19-17)(12-9)(23-16)(15-6)

Floriana Cafè Del Mar waqqfu l-mixja ta’ Gżira Athleta ta’ erba’ rebħiet konsekuttivi u baqgħu l-uniku team li ma tilifx kontra Athleta dan l-istaġun. Bħal ma ġara fis-semi-finali tas-Shield, din il-partita kellha tiġi deċiża wara l-ħin barrani hekk kif Athleta kienu minn fuq tul il-partita kollha però sofrew ir-rimonta Furjaniża li mbagħad tathom ir-rebħa fil-ħin barrani. Iż-żewġ naħat kellhom player regolari nieqes hekk kif Floriana kienu mingħajr Andrew Micallef Trigona u Athleta kienu mingħajr Adrian Micallef. Kienu Athleta li ħadu l-ewwel vantaġġ iżda Floriana wieġbu b’żewġ three pointers ta’ Chad Patus. Athleta żiedu d-distakk wara li għamlu run ta’ 10-3 bi trippli minn Nikolai Lubrano u Roderick Vella biex marru 21-9 minn fuq. Pauts u Nigel Sultana wieġbu għal Floriana iżda Vella kellhu trippla oħra biex Athleta temmew is-sessjoni 26-14 minn fuq. Fit-tieni perjodu, l-andament tal-partita baqa’ l-istess hekk kif Athleta kabbru l-vantaġġ wara trippla ta’ Daan Wiersuum. Għal Floriana Patus baqa’ l-iżjed perikoluż flimkien ma’ Sultana hekk kif huma bdew jieħdu l-offensive rebounds u naqqsu d-d-distakk għalkemm tlett punti ta’ Naudi raw lil Athleta jidħlu jistrieħu 43-33 minn fuq.

Wara l-intervall, il-punti naqsu xi ftit hekk kif iż-żewġ difiżi ftit taw spazju lill-attakki avversarji. Athleta kellhom żewġ three pointers minn Vella u Billy Zammit biex kabbru l-vantaġġ 51-38. Floriana wieġbu bi break ta’ 7-1 bi trippla oħra ta’ Patus għal skor ta’ 52-45. Fl-aħħar sessjoni, Floriana bdeww aħjar u kellhom break ta’ 12-6 biex waslu sa’ punt ‘l bogħod mill-avversarji 57-58. Athleta wieġbu bi trippla ta’ Vella u punti tal-Amerikan Fisher u kabbru l-vantaġġ għal darb’oħra però Floriana ġew lura bi tlett trippli ta’ Nikola Vasovic u Patus biex ġabu l-iskor indaqs 66-66. Sa’ tmiem il-partita kien hemm basket ieħor fuq kull naħa minn Michael Naudi u Anton Axiaq biex il-partita marret għal ħin barrani 68-68. Hawn Floriana rnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ 4 punti b’Athleta jwieġbu bi trippla ta’ Zammit. Minn hemm ‘l quddiem kienu biss Floriana li għamlu l-punti permezz ta’ Patus u Ross biex rebħu l-partita 83-74.

Floriana Cafè Del Mar: C. Patus 36, L. Ross 9, N. Sultana 11, S. Borg 2, A. Portelli 8, N. Vasovic 8, C. Calleja, A. Axiaq 9, N. Andrejevic.

Gżira Athleta: M. Naudi 20, R. Vella 23, F. Mifsud Bonnici, D. Wiersum 3, L. Stefanovic, I. Buldakov 2, B. Zammit 6, J. Wait, N. Lubrano 9, S. Vincic, M. Gauchi Montaldo, L. Fisher 11.

Referees:  Bernard Vassallo, Alfred Carbonaro, Zvezdan Dobrosaviljevic

Falken Cynergi Virtus 111

Bupa Luxol 93

(26-21)(24-24)(23-22)(38-26)

Ic-champions Falken Cynergi Virtus għelbu lil Bupa Luxol 111-93 f’partita li offriet aktar minn 200 punt biż-żewġ timijiet ikollhom persentaġġ għoli fis-shooting tagħhom. Virtus kellhom nieqes lil Thomas Grech u Luxol kienu bil-formazzjoni solita tagħhom. Il-partita dehret li se tkun bilanċjata u ta’ skor għoli sa’ mill-ewwel ħinijiet fejn Virtus bdew bil-punti ta’ Chris Santo u Peter Shoults li spiċċa l-partita b’total ta’ 8 assists biex fetħu vantaġġ ta’ 5 punti 13-8. Ir-risposta ta’ Luxol ġiet minn Colt Fason primarjament għalkemm kellhom ukoll il-punti ta’ CJ Cordina u Marco Mercieca. Virtus kellhom trippla oħra minn David Camilleri u temmew is-sessjoni 26-21 minn fuq. Fit-tieni sessjoni, Camilleri kiseb żewġ trippli oħra però Luxol baqgħu viċin bil-punti ta’ Fason u trippla minn Jean Paul Bonnici. Ic-champions kabbru l-vantaġġ għal disa’ punti wara żewġ trippli konsekuttivi ta’ Shawn Pace però Fason u Cordina wieġbu għal Luxol biex fl-intervall Virtus kienu 5 minn fuq 50-45.

Fit-tielet taqsima, Luxol irnexxielhom imorru fuq quddiem wara trippli minn Jean Paul Schembri u Fason hekk kif bdew bi break ta’ 12-4. Virtus irrispondew permezz ta’ Jacob Formosa u Santo meta kienu huma li kellhom run ta’ 17-6 u ħadu l-vantaġġ li żammewh sa’ tmiem it-taqsima 73-67. Virtus komplew iżidu l-vantaġġ fl-aħħar taqsima hekk kif il-punti bdew ġejjin regolarment fuq iż-żewġ naħat. Virtus kellhom żewġ runs ta’ 13-7 u 13-5 fejn Formosa għamel żewġ trippli u għaqqdu l-mitt punti bi three pointer ta’ Santo. Sa’ tmiem il-partita kien hemm aktar three pointers minn Schembri għal Luxol u Formosa għal Virtus li rebħu l-partita 111-93.

Falken Cynergi Virtus: S. Pace 15, D. Bugeja 9, R. Bonnici 9, D. Camilleri 15, S. Bonnici, J. Formosa 13, A. Felice Pace, C. Santo 38, L. Sobers, F. Bartolo, P. Shoults 12.

Bupa Luxol: CJ Cordina 16, C. Fason 37, J. Willoughby 12, S. Visser, J.P. Schembri 15, K. Dimech, M. Mercieca 4, J. Maistre Mellilo, JP Bonnici 9.

Referees: Gordon Barbara, Stephen Micallef, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Pavi Depiro 86

Hibernians 82

(19-10)(16-26)(11-26)(17-11)(13-9)

Pavi Depiro finalment kisbu l-ewwel rebħa tagħhom tal-kampjonat biex baqgħu viċin tar-raba’ post li huwa l-aħħar post disponibbli għal post fil-play-offs u għamlu dan wara rimonta stupenda fl-aħħar taqsima fejn ġew lura minn żvantaġġ ta’ 15 –il punt. Fl-ewwel parti tal-partita, iż-żewġ timijiet bdew jirrisipondu lil xulxin għalkemm Depiro rnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ 5 punti wara trippla ta’ Kurt Xuereb. Depiro komplew b’run ta’ 8-3 biex kabbru l-vantaġġ għal disa’ punti 19-10. Fit-tieni perjodu, Depiro żammew vantaġġ ta’ 10 punti wara baskets mill-Amerikan Michael Nwelue u trippla ta’ Timothy Zammit. Hawn Hibs irkupraw u għamlu run ta’ 14-4 bil-punti ta’ Luke Farrugia u Marco Matijevic flimien ma’ trippla ta’ Stefan Vella biex sal-intervall irnexxielhom idawwru l-iskor favur tagħhom 36-35.

Hibs komplew bil-mument posittiv tagħhom fit-tielet sessjoni meta fetħu bi tmien punti mingħajr risposta b’żewġ trippli ta’ Ryan Carabott u Simon Attard. Depiro finalment wieġbu bi trippla ta’ Zammit però Hibs komplew b’run oħra ta’ 10-0 bi trippla oħra ta’ Carabott u l-baskets ta’ Matijevic u Attard. Hibs dehru resqin lejn rebħa hekk kif fi tmiem it-tielet sessjoni kellhom vantaġġ ta’ 16 –il punt 62-46. Depiro bdew l-aħħar taqsima b’erba’ punti minn Nwelue u Malcolm Mallia. Ir-risposta ta’ Hibs waslet minn trippla ta’ Farrugia biex reġgħu marru 15 minn fuq iżda hawn waslet rimonta qawwija minn Depiro. Fil-fatt, il-players ta’ Brian Mifsud bdew ġejjin lura bil-punti ta’ Mallia, Nwelue u trippli minn Zammit u Aquilina u għamlu run ta’ 19-0 biex marru 4 minn fuq 71-67. Hibs finalment irrispondew permezz ta’ Kieron Caruana. Xuereb reġa’ poġġa lil Depiro minn fuq fl-aħħar seba’ sekondi iżda foul fuq Simon Attard b’anqas minn sekonda għat-tmiem issarraf f’żewġ freethrows minn 3 biex il-partita marret għal ħin barrani fuq skor ta’ 73-73. Hibs, għal darbtejn, ħadu l-vantaġġ bil-punti ta’ Caruana u Farrugia. Għal Depiro l-protagonist kien Nwelue li rnexxielhu jagħmel diversi punti konsekuttivi fl-aħħar ħinijiet biex Depiro rebħu l-partita 86-82.

Pavi Depiro: J. Attard, M. Agius, J. Camilleri, A. Aquilina 14, N. Grech 4, T. Zammit 10,  M. Mallia 14, K. Xuereb 11, M. Borg, M. Nwelue 33.

Hibs: P. Attard, M. Houmpton, G. Agius, L. Farrugia 8, S. Attard 14, I. Bonett 4, K. Caruana 14, R. Carabott 11, K. Sultana, S. Vella 5, F. Mariani 6, M. Matijevic 20.

Referees: Bernard Vassallo, Alfred Carbonaro, Zvezdan Dobrosaviljevic.

 

Klassifika Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Falken Cynergi Virtus

7

7

0

14

589

465

Floriana Cafe Del Mar

7

6

1

13

536

463

Gżira Athleta

7

4

3

11

538

470

Bupa Luxol

7

2

5

9

520

570

Hibs

7

1

6

8

448

557

Pavi Depiro

7

1

6

8

405

511





Leave a comment