Pavi Depiro jibdew b’rebħa drammatika

Monday, November 11, 2013, 18:53

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA IRĠIEL

minn Colin Schembri

Floriana Royce 76

Starlites 66
(10-7)(19-17)(22-13)(25-29)

Ic-champions Floriana Royce bdew id-difiża tat-titlu bl-ewwel rebħa tal-kampjonat fuq Starlites bl-iskor ta’ 76-66. Floriana kienu diġa għelbu lil Starlites ġimgħa ilhu fis-semifinali tas-shield għalkemm f’din il-partita Starlies offrew oppożizzjoni aktar iebsa lic-champions. Floriana kellhom bidu diffiċli u trippla ta’Saviour Bonnici poġġiet lil Starlites 5-2 minn fuq fil-ħames minuta. Wara time-out ta’ Paul Ferrante, Floriana kienu aktar agressivi u għamlu tmien punti mingħajr risposta kollha minn Dirk Schembri u Derek Elston. Basket ta’ Robert Bonnici għalaq il-perjodu bi Floriana minn fuq 10-7. Starlites ippareġjaw fil-ftuħ tat-tieni sessjoni u saħansitra marru minn fuq bil-punti konsekuttivi ta’ Marco Todorovic. Sean Borg għamel trippla għal Floriana però n-naħa l-oħra kien hemm oħra minn Bonnici biex Starlies baqgħu punt minn fuq 18-17. Hawn Floriana kellhom run oħra ta’ 10-0 b’aktar punti ta’ Schembri, Elston u Sassoun Saakian. Id-distakk reġa’ naqas sal-intervall wara punti ta’ Starlites minn Robert Loporto u Todorovic biex fil-halftime Floriana kienu ħamsa minn fuq 29-24.

Wara l-intervall Starlites naqqsu d-distakk permezz ta’ Todorovic però c-champions kellhom run oħra ta’ 11-0 bi trippla ta’ David Camilleri u baskets minn Peter Shoults. Starlites kellhom żewġ baskets oħra minn Todorovic iżda Floriana kellhom basket ta’ Schembri u trippla ta’ Shoults. Todorovic kompla jagħmel il-punti għal Starlites biex Floriana temmew it-taqsima 51-37 minn fuq. Fil-bidu tal-aħħar sessjoni Floriana reġgħu żiedu l-vantaġġ bil-punti ta’ Elston u Schembri. Saviour Bonnici għamel trippla oħra għal Starlites li komplew inaqqru l-vantaġġ Furjaniż wara punti konsekuttivi minn ħuh Robert flimkien ma’ Todorovic u Graham Coleiro. Floriana wieġbu bil-punti ta’ Elston u trippla oħra ta’ Shoults hekk kif għal Starlites komplew ġejjin il-punti ta’ Todorovic u three pointer ieħor minn Robert Bonnici. Il-partita ntemmet bil-punti ta’ Shoults u Todorovic biex Floriana rebħu l-partita 76-66.

Floriana Royce: O. Shamala, D. Elston 24, D. Camilleri 5, P. Shoults 13, S. Borg 5, C. Calleja, D. Schembri 22, S. Saakian 4, D. Agius 3.

Starlites: M. Todorovic 35, R. Loporto 5, R. Bonnici 18, S. Bonnici 6, J. Curmi, A. Cutajar, A. Schembri, G. Szokreny, B. Soler, G. Coleiro 2, M. Ciantar.

Referees: Bernard Vassallo, Clive Terribile, Teemu Helenius.

Pavi Depiro 62

Remax Siġġiewi Citadel 60

(15-18)(12-16)(19-15)(16-11)

Basket u freethrow ta’ Nigel Sultana b’erba’ sekondi mit-tmiem taw l-ewwel rebħa lil Pavi Depiro fil-Kampjonat Bank of Valletta kontra Remax Siġġiewi Citadel 62-60. Il-partita kienet missielta ferm biż-żewġ timijiet viċin xulxin għal ħinijiet twal għalkemm Siġġiewi fetħu vantaġġ ta’ 12 –il punt fil-bidu tat-tieni sessjoni. Siġġiewi kellhom prestazzjoni tajba però jridu jgħidu l-mea culpa hekk kif minn 20 freethrow li kellhom għamlu biss tnejn. Depiro għandhom il-mertu li baqgħu jemmnu sal-aħħar minkejja li fl-aħħar sesjoni ġrew kontinwament wara l-avversarji. F’din il-partita kien hemm diversi uċuh ġodda fejn għal Depiro seta’ finalment jagħmel id-debutt uffiċjali l-Amerikan Turrell Morris u kellhom ukoll lil player ġdid tagħhom Malti Awstraljan Samuel Paul Bartolo. Għal Siġġiewi kien hemm id-debutt ta’ Malcolm Mallia kontra l-ex team tiegħu kif ukoll lil player Ċek tagħhom Ivo Hoeger. Kien propju Hoeger li bit-tul tiegħu fetaħ il-partita b’żewġ baskets konsekuttivi qabel ma Depiro bdew il-punti tagħhom bi trippla ta’ Andrew Aquilina u baskets minn Morris. Siġġiewi wkoll għamlu run ta’ 7-0 bi trippla ta’ Lee Ross biex reġgħu marru minn fuq. Punti minn Morris u Roderick Vella reġgħu ġabu l-iskor indaqs bis-Siġġiewi jagħlqu s-sessjoni bi trippla ta’ Chris Sammut għal skor ta’ 18-15. Fl-ewwel nofs tat-tieni sessjoni saru żewġ baskets fuq kull naħa biex Siġġiewi żammew il-vantaġġ 22-19. Depiro marru minn fuq bil-punti ta’ Morris fosthom trippla iżda Siġġiewi wkoll kellhom it-three pointers tagħhom minn Sammut u Ross flimkien ma’ basket ieħor ta’ Hoeger biex fl-intervall kienu sebgħa minn fuq 34-27.

Fil-ftuħ tat-tielet perjodu Siġġiewi żiedu l-vantaġġ b’basket ta’ Hoeger u trippla ta’ Ross u fetħu vantaġġ ta’ 12 –il punt 39-27. Hawn kellhu jinbidel Hoeger hekk kif għamel ir-raba’ foul u Depiro approfittaw u għamlu run ta’10-0 bil-punti ta’ Morris, Sultana u Anton Axiaq biex naqqsu d-distakk għal basket 37-39. Siġġiewi rkupraw bil-punti ta’ Louis Camilleri u Sammut biex marru sitta minn fuq 49-43. Depiro kellhom il-freethrows ta’ Bartolo u Axiaq għal skor ta’ 49-48. Trippla ta’ Sammut fir-raba’ minuta tal-aħħar sessjoni reġgħat tat vantaġġ ta’ seba’ punti lil Siġġiewi 56-49. Ir-risposta ta’ Depiro kienet immedjata bi trippla ta’ Morris u basket ta’ Aquilina. Fl-aħħar żewġ minuti Siġġiewi kellhom biss basket ta’ Mallia u 5 freethrows li fallewhom kollha. Fl-aħħar attakk Depiro ħarbu b’fast break u l-ballun wasal għand Sultana li għamel il-punti tar-rebħa hekk kif Siġġiewi ma salvawx il-partita fl-aħħar erba’ sekondi li kien fadal biex Depiro rebħu 62-60.

Pavi Depiro: R. Vella 8, B. Zammit, N. Sultana 8, T. Morris 29,  A. Aquilina 5, A. Portelli 2, S.P. Bartolo 5, A. Axiaq 5, E. Lupo, I. Tanti.

Remax Citadel Siġġiewi: M. Mallia 2, A. Debattista, S. Sammut, C. Sammut 15, N. Falzon, L. Camilleri 7, A. Borg, L. Ross 18, J.P. Antoncic, I. Hoeger 16, C. Kodomaris 2, C. Doublet.

Referees: Bernard Vassallo, Luke Camilleri, Steve Gouder.

Bupa Luxol 54

A to Z Electronics Athleta 78

(13-19)(9-27)(12-10)(20-22)

A to Z Electronics Athleta pproduċew wirja oħra verament posittiva biex huma wkoll bdew l-impenji tagħhom fil-kampjonat b’rebħa meta għelbu lil Bupa Luxol 78-54. Il-player Kanadiż Chad Patus qiegħed iżid fil-prestazzjonijiet tiegħu ma’ kull logħba li tagħddi u jikkombina tajjeb ma’ sħabu. Luxol kellhom nieqes lil Jean Paul Bonnici li kien biss spettatur u l-Amerikan Michael Myers Keitt deher li ma kienx f’sikktu mija fil-mija. Il-partita bdiet bil-punti ta’ Patus għall-Athleta. Luxol għamlu tlett three pointers minn tlett players differenti – Nikola Vasovic, Jean Paul Schembri u Myres Keitt. Sas-sitt minuta Luxol kienu għadhom sitt punti minn fuq 13-10 wara baskets minn Marco Mercieca u Adrian Micallef. Hawn Athleta għamlu run ta’ 9-0 bil-punti kollha jaslu minn Steve Schembri u Michael Naudi biex temmew l-ewwel taqsima 19-13 minn fuq. It-tieni sessjoni fetħet b’basket fuq kull naħa qabel ma Athleta għamlu run oħra ta’ 10-0 b’punti minn Patus, Omar Said u David Bugeja għal skor ta’31-15. Wara li Luxol kellhom trippla minn Myres Keitt, bdew ġejjin ukoll it-trippli ta’ Shawn Pace għall-Athleta flimien ma’ oħra minn Schembri u baskets ta’ Patus biex fl-intervall  Athleta keinu fuq quddiem 46-22.

Wara li Patus fetaħ it-tielet sessjoni b’żewġ baskets oħra, Luxol għamlu tlett baskets konsekuttivi minn Vasovic u Myres Keitt. Wara basket ta’ Said għall- Athleta, kien hemm żewġ baskets ta’ CJ Cordina u l-vantaġġ tal-Athleta tnaqqar b’żewġ punti 56-34. Fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni, Athleta għamlu run oħra ta’ 12-2 bi trippli minn Pace u Schembri u basket ta’ Bugeja. Wara din ir-run kien hemm diversi punti fuq kull naħa fosthom ta’ Cordina u Stefan Cappello għal-Luxol. Il-partita ntemmet bi three pointer minn distanza konsiderevoli minn Cappello biex Athleta rebħu l-partita 78-54.

Bupa Luxol: C.J. Cordina 13,  M. Mercieca 2, A. Micallef 4, M. Attard Montalto, C. Cassar ,J.P. Schembri 3, N. Vasovic 9, T. Paris, M. Myres Keitt 15, J. Willoughby 1, S. Capello 7.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi 11, D. Bugeja 4, C. Patus 20, M. Giusti, S. Bischoff 4, O. Said 8, S. Pace 11, B. Bartolo 4, W. Spiteri, D. Ross, S. Schembri 16.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Clive Terribile





1 Comment

  1. joseph says:

    MA nistax ma nghidtx  prosit lil kull min kien nvolut fil loghog ta din il gimgha……imma (kontra qalbi )l-iktar  lil Karl Borg u  lit-team tas-Siggiewi. Jider li taht Karl qed jimpruvjaw u qedghin jinghaqdu hafa. Veru li huwa coach eccentriku imma loghba deher li studjaha sew u  l-players qed jinghaqdu hafna.. Biss it-team tal mument huwa bhal dejjem athleta… The best  …jidher li lkampojonat ghaliihom u ha jkunu protagonisti 

    [Reply]

Leave a comment