Pavi Depiro jerbħu wara rimonta stupenda

Friday, March 22, 2013, 21:21

TAZZA LOUIS BORG NISA

minn Colin Schembri

Dan l-istaġun din it-tazza se tibqa magħrufa għaż-żewġ rimonti li saru, waħda minn Luxol fl-ewwel leg kif ukoll it-tieni waħda ta’ Depiro fit-tieni wieħed li tathom it-tazza.

L-ewwel leg

Pavi Depiro 57

Luxol 63

(16-4)(16-13)(14-16)(11-40)

Luxol dawwru żvantaġġ ta’ 20 punt f’nofs it-tielet taqsima biex rebħu dan l-ewwel konfront 63-57. Depiro kellhom bidu mill-aqwa biex bit-three pointers minn Beverlee Zammit fetħu vantaġġ ta’ 9-2. Depiro bdew jilgħabu difiża tajba ferm bil-Luxol mifxulin u bdew jagħmlu ħafna turnovers. Kien fid-disa’ minuta li Sarah Pace għamlet it-tieni basket ta’ Luxol f’din is-sessjoni pero’ fl-aħħar minuta Depiro komplew iżidu l-vantaġġ bil-punti ta’ Latisha Belcher u Steffi De Martino u temmew is-sessjoni minn fuq 16-4. Luxol fetħu t-tieni perjodu b’basket ta’ Mollie Williams però reġgħu kienu Depiro li komplew juru l-aħjar logħob u kellhom run oħra ta’ 8-0 bi tlett baskets ta’ Samantha Brincat u ieħor ta’ Belcher għal skor ta’ 24-6. Luxol tjiebu fl-attakk u baskets ta’ Mandi  Sciortino flimkien ma’ trippla u basket ta’ Pace rawhom inaqqsu d-distakk għal 11 –il punt 17-28. Qabel ma ntemmet is-sessjoni, Depiro kellhom żewġ baskets oħra minn Zammit u De Martino biex fl-intervall kienu 32-17 minn fuq.

Fit-tielet perjodu, kienu Depiro li żiedu l-vantaġġ b’iktar punti minn De Martino u Francesca Biancho. Hawn Mollie Williams li sa dak il-ħin kellha partita kwieta bid-difiża ta’ Belcher, marret fuq il-bank. Wara basket minn Clementina Medina, Depiro wieġbu bi trippla ta’ De Martino għal skor ta’ 43-23. Hawn kienet Belcher li nbidlet u Christoph Stolp reġa’ ħareġ fuq il-court lil Williams u Luxol għamlu run ta’ 10-1 biex id-distakk niżel għal 13 –il pu t 46-33 fi tmiem il-perjodu. Luxol fetħu l-aħħar taqsima b’baskets minn Greta Zarb u Sciortino għalkemm kien hemm ir-risposta tad-Depiro b’basket ta’ Belcher u trippla oħra ta’ Zammit biex fit-tielet minuta Depiro kienu 51-38 minn fuq. Hawn Luxol bdew ir-rimonta tagħhom fejn kellhom run ta’ 17-0 b’punti ta Zarb, Williams flimkien ma’ Becky Naudi biex fis-seba’ minuta kienu 4 minn fuq 55-51. Depiro rkupraw b’żewġ baskets ta’ Belcher b’Naudi tagħmel trippla oħra għal Luxol. Però fl-aħħar żewġ minuti Luxol komplew bi 13 –il punt ieħor biex temmew il-partita 73-57 biex se jibdew it-tieni leg sittax minn fuq.

Pavi Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud, F. Biancho 6, S. Brincat 12, M. Bonett, S. De Martino 12, M. Mifsud, M Scicluna, L. Belcher 13, S Micallef, B. Zammit 14.

Luxol: S. Pace 12, M. Sciortino 7, C. Medina 2, B. Naudi 15, J.B. Gaerty, G. Zarb 11, P. Ellul 2, M. Williams 23, D. Muscat 1, K. Portelli

Referees: Clive Terribile, Steve Gouder, Jacques Abeng.

It-tieni leg

Luxol 45

Pavi Depiro 66

(14-20)(13-6)(3-20)(15-20)

Li l-basketball jibqa’ sport imprevedibbli jikkonfermawh partiti bħal din. Luxol bdew it-tieni leg tal-finali tat-tazza Louis Borg tan-nisa b’vantaġġ ta’ 16 –il punt però kienu Pavi Depiro li rebħu din il-partita b’distakk ta 21 punt biex rebħu l-ewwel unur tagħhom għal dan l-istaġun. Nażżarda nsemmi tlett fatturi li wasslu għal dan ir-riżultat. Depiro reġgħu kienu tajbin fid-difiża u kolletivament kienu aħjar anke min daħal minn fuq il-bank bħal Maria Bonett li daħlet fit-tielet sessjoni u kellha wirja tajba ferm speċjalment fid-difiża. Luxol komplew kif bdew l-ewwel leg fejn kellhom sensiela ta blalen mitlufa u dehru li niżlu għal-logħba kunfidenti li t-tazza hija taghom. Meta mbaghad fi tmiem it-tielet sessjoni Depiro ġabu l-iskor indaqs bl-aggregate 103-103, Luxol dehru demoralizzati u Depiro rebħu s-sessjoni deċisiva biex rebħu t-tazza. Depiro kellhom l-aħjar bidu tal-partita bil-baskets minn Samantha Brincat u Steffi De Martino u fil-ħames minuta kienu 11-5 minn fuq. Mollie Williams wieġbet għal Luxol qabel ma kien hemm trippla fuq kull naħa minn Sarah Pace u Beverlee Zammit. Sa’ tmiem il-perjodu kien hemm 4 punti fuq kull naħa biex Depiro temmewh minn fuq 20-14. It-tieni sessjoni fetħet b’basket ieħor ta’ Williams bid-Depiro jwieġbu bi trippla ta’ Brincat. Luxol għamlu sitt punti oħra biex sas-sitt minuta naqqsu d-distakk għal punt 22-23. Wara li Latisha Belcher għamlet tlett punti għal Depiro, Luxol għalqu l-perjodu b’żewġ baskets minn Diana Muscat u freethrow ta’ Pace biex daħlu jistrieħu punt minn fuq 27-26.

Wara l-intervall, Luxol sabu diffikulta kbira biex jinfdu d-difiża kompatta ta’ Depiro tant li l-ewwel punti tagħhom ġew minn freethrow ta’ Pace fil-ħames minuta. Sa’ dak il-ħin Depiro kienu reġgħu marru minn fuq b’żewġ baskets ta’ De Martino. Wara li fis-sitt minuta, Clementina Medina għamlet l-ewwel u l-uniku basket ta’ Luxol f’din is-sessjoni, Depiro kellhom run ta’ 14-0 fosthom trippla ta’ Zammit flimkien ma’ punti minn Bonett u Belcher biex temmew is-sessjoni fuq quddiem 46-30 u parita fl-aggregate. Huma komplew iżidu l-vantaġġ malli bdiet ir-raba’ sessjoni b’żewġ baskets ta’ Belcher u ieħor minn Andrea Mifsud. Wara kienu Luxol li wkoll għamlu tlett baskets mingħajr risposta minn Pace u Mandi Sciortino però Brincat wieġbet għad-Depiro. Williams kellha 5 punti oħra għac-champions biex meta bdiet l-aħħar minuta, Depiro kienu 62-41 minn fuq u 5 punti bl-aggregate. Huma fallew xi freethrows biex Luxol naqqsu d-distakk bi trippla ta’ Pace. Huma kellhom ċans li almenu jisfurzaw il-ħin barrani però t-tentattiv ta’ Greta Zarb ma daħalx u Depiro għamlu l-aħħar 3 punti tal-partita biex ħarġu rebbieħa 66-45 u rebħu t-tazza b’aggregate 123-118. Fi tmiem il-partita l-President Emeritus tal-MBA is-Sur Louis Borg ippreżenta t-trofew lil Samantha Brincat fost il-ferħ tal-players sħabha u diriġenti ta’ Depiro.

Luxol: S. Pace 16, M. Sciortino 2, C. Medina 2, B. Naudi 2, J.B. Gaerty, G. Zarb , P. Ellul , M. Williams 19, D. Muscat 4, K. Portelli

Pavi Depiro: A. Mifsud 2, G. Mifsud, F. Biancho, S. Brincat 17, M. Bonett 2, S. De Martino 18, M. Mifsud, M Scicluna, L. Belcher 21, S Micallef, B. Zammit 16.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Clive Terribile.





Leave a comment