Pavi Depiro jerbħu t-tieni unur dan l-istaġun

Monday, January 20, 2014, 20:56

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD NISA

minn Colin Schembri

Pavi Depiro 49

Honey Athleta 38

(14-12)(9-8)(13-9)(13-9)

Ic-champions Pavi Depiro rebħu t-tieni unur tagħhom għal dan l-istaġun meta fil-finali tas-St. James Hospital għelbu lil Honey Athleta 49-38. Dan kien ir-raba’ suċċess ta’ Depiro f’din il-kompetizzjoni wara r-rebħ fl-2001/02, 2004/05 u 2005/06. Minn naħa l-oħra, Athleta kienu fl-ewwel finali tagħhom. Għal Depiro rritornat Beverlee Zammit fil-waqt li Athleta kienu mingħajr Emma Moore. Wara li Athleta għamlu l-ewwel basket permezz ta’ Leanne Sciberras, Depiro wieġbu bi break ta’ 10-2. Huma kellhom trippla minn Samantha Brincat flimkien mal-punti tal-Amerikana Nola Taylor. Athleta kellhom il-punti ta’ Ijeoma Ofomata biex ġabu l-iskor indaqs 10-10 però free-throws ta’ Brincat reġgħu taw il-vantaġġ lil Depiro u żammewh sa’ tmiem il-perjodu 14-12. Fit-tieni sessjoni Athleta ġabu l-iskor indaqs għal darbtejn b’baskets minn Chantelle Mifsud u Sciberras. Depiro kellhom trippla minn Brincat iżda punti minn Ofomata u Lonnecke Cassar ġabu l-iskor indaqs għall-Athleta 20-20. Depiro daħlu jistrieħu 3 minn fuq wara l-aħħar punti tat-taqsima minn Maria Bonett u Brincat 23-20.

Wara l-intervall Athleta rnexxielhom jerġgħu jieħdu l-vantaġġ meta fir-raba’ minuta Sciberras kellha trippla biex poġġiethom minn fuq 25-24. Depiro malajr wieġbu bi tlett baskets konsekuttivi minn Martina Mifsud, Taylor u Gaby Mifsud. Athleta wieġbu bi trippla oħra din id-darba minn Justine Xuereb però Depiro kellhom żewġ baskets oħra minn Taylor u Bonett u temmew it-taqsima seba’ minn fuq 36-29. Fl-aħħar sessjoni Depiro kellhom trippla minn Zammit però Athleta reġgħu naqqsu d-distakk bil-free-throws ta’ Sciberras. Però fl-aħħar minuti, Depiro kellhom il-freethrows minn Taylor, Bonett u Antoinette Borg biex serrħu rashom mir-riżultat u rebħu t-tazza fuq skor finali ta’ 49-38. Fi tmiem il-partita Joseph Muscat, Segretarju Ġenerali tal-MBA ppreżenta t-trofew lil captain ta’ Depiro Samantha Brincat.

Pavi Depiro: N. Agius, G. Mifsud 2, T. De Martino, S. Brincat 12, M. Bonett 12,  M. Scicluna, M. Mifsud 2, A. Borg 2, N. Taylor 16, N. Donoghue, S. Micallef, B. Zammit 3.

Honey Athleta: D. Said Hollier, M. C. Cilia, J. Xuereb 3, L. Cassar 4, L. Sciberras 14, M. Azzopardi, I. Ofamata 14, R. Sciberras, A. Demanuele, F. Farrugia, S.J. Barbara, C. Mifsud 3.

Referees: Bernard Vassallo, Clive Terribile, Teemu Helenius





Leave a comment