Pavi Depiro fil-finali…jistennew l-avversarji

Monday, April 15, 2013, 19:09

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL NISA PLAYOFFS

minn Colin Schembri

Hibs 46

Luxol 42

(12-4)(9-10)(18-14)(7-14)

B’wirja qalbiena speċjalment fid-difiża, Hibs irnexxielhom jerbħu t-tieni semifinali tal-playoffs kontra Luxol 46-42 biex b’hekk sfurzaw it-tielet partita. Partita li fl-aħħar sekondi splodiet bil-polemiċi hekk kif tkeċċa l-coach ta’ Luxol wara protesti. Fl-aħħar żewġ attakki ta’ Luxol minn Mandi Sciortino kienu msaffra żewġ travellings għalkemm f’wieħed minnhom deher li seta wkoll kien hemm foul fuq il-player ta’ Luxol. Dan ma jħassar xejn mil-wirja li kellhom Hibs u l-wirja fjakka fl-attakk ta’ Luxol biex issa min jirbaħ it-tielet partita ta’ nhar l-Erbgħa 17 ta’ April jieħu post fil-finali. Il-partita bdiet b’ritmu baxx bil-Hibs jipressaw fid-difiża u bil-mod il-mod bdew jagħmlu wkoll il-punti biex fis-seba’ minuta kienu 6-0 minn fuq. Fit-tmien minuta wasal l-ewwel punt tac-champions minn Mollie Williams però Hibs għamlu sitt punti oħra kollha minn Antoinette Borg. Kien fl-aħħar attakk tagħhom li Luxol kisbu l-ewwel punti minn azzjoni meta Greta Zarb kellha trippla għal skor ta’ 12-4. Wara li Lucienne Bezzina għamlet l-ewwel basket ta’ Hibs fit-tieni sessjoni, Luxol dehru li se jirkupraw wara trippla oħra ta’ Zarb u basket ta Diana Muscat. Hibs però wieġbu bil-punti ta’ Maria Desira u Nadia Mifsud qabel ma Williams kellha punti konsekuttivi għal Luxol. Hibs kellhom żewġ baskets oħra minn Bezzina u Emma Micallef biex fl-intervall kienu 7 minn fuq 21-14.

Fit-tielet sessjonu Luxol fetħu qawwi u punti minn Williams, Paula Ellul u Sarah Pace rawhom inaqqsu d-distakk għal punt 22-23. Hibs irkupraw u kisbu żewġ baskets oħra minn Khadi Soune Sagna u Mifsud u komplew b’run ta’ 10-2 biex fetħu vantaġġ ta’ 11 –il punt fi tmiem is-sessjoni 39-28. Fil-bidu tal-aħħar taqsima ħarġet il-qawwa tac-champions li sa’ nofs is-sessjoni dawwru l-iskor favur tagħhom bi break ta’ 12-0 bil-punti ta’ Williams, Sciortino u Becky Naudi. Basket minn Elena Cassar u punt minn Bezzina reġgħu taw ftit tan-nifs lil Hibs però Luxol ippareġjaw b’basket ieħor ta’ Sciortino. Sagna poġġiet lil Hibs minn fuq għal darb’oħra u hawn ġew il-protesti ta’ Luxol però Hibs permezz ta’ Bezzina fallew ħafna freethrows u kien biss fl-aħħar li l-istess player għamlet 2 minn 4 biex tat ir-rebħa lil Hibs 46-42.

Hibs: J. Scerri, E. Cassar 2, R. Scerri, L. Bezzina 7, F. Mifsud, M. Desira 8, L. Micallef, A. Borg 14, N. Mifsud 3, E. Micallef 2, J. Borg Cardona, K. Soune Sagna 10.

Luxol: S. Pace 5, M. Sciortino 6, B. Naudi 2, J. B. Gaerty, G. Zarb 6, P. Ellul 3, M. Williams 18, D. Muscat 2, M. Darmanin, K. Portelli.

Referees:  Gordon Barbara, Bernard Vassallo, Emanuel Mangani.

Alyssa Ashley Loyola 61

Pavi Depiro 86

(17-22)(12-21)(17-18)(15-25)

Pavi Depiro waslu fil-finali għar-rebħ tal-kampjonat meta kisbu t-tieni rebħa minn tlieta kontra Alyssa Ashley Loyola 86-61. Loyola għal xi ħin inkwetaw lil avversarji u waslu seba’ punti viċin però meta Depiro jibdew jikkombinaw tajjeb fl-attakk ikunu ta’ theddida għal kulħadd. Depiro bdew b’basket ta’ Steffi De Martino wara inqas minn ħames sekondi u komplew b’run ta’ 12-3 bl-istess player tagħmel trippla flimkien ma’ punti minn Latisha Belcher u Samantha Brincat. Għal Loyola kien hemm it-trippla ta’ Brietta Thomas u punti minn Kristie Tonna però Depiro kienu għadhom 11 minn fuq fit-tmien minuta 20-9. Qabel intemmet is-sessjoni Loyola għamlu żewġ trippli minn Jean Doughty u Thomas biex il-vantaġġ ta’ Depiro niżel għal 5 punti 22-17. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu, Depiro kellhom run oħra ta’ 10-2 b’iktar punti ta’ Belcher u Andrea Mifsud. Thomas wieġbet bil-freethrows għal Loyola però Depiro komplew jagħfsu b’Belcher dominanti taħt il-board u daħlu jistrieħu 43-29 minn fuq.

Wara l-mistrieħ Depiro llaxkaw xi ftit u ppermettew lil Loyola li jagħmlu run ta’ 7-0 kollha minn Thomas biex naqqsu d-distakk 36-43. Hawn però l-players ta’ Adrian Mifsud ġew f’tagħhom u għaqqdu break ta’ 14-3 bil-punti ta’ Maria Bonett, De Martino u Belcher u fetħu vantaġġ ta’ 18 –il punt 57-39. Loyola komplew iwieġbu permezz ta’ Thomas u fi tmiem is-sessjoni Depiro kienu 61-46 minn fuq. Fl-aħħar taqsima Loyola bdew bi trippla minn Denise Said Hollier u basket ta’ Tonna. Punti taż-żgħażagħ Bonett u Mifsud reġgħu kabbru l-vantaġġ ta’ Depiro 67-53. Depiro issa kienu kmandi tal-logħba u komplew bi break ieħor ta’ 14-0 bi trippla ta’ Brincat. Ir-risposta ta’ Loyola kienet b’żewġ trippli ta’ Doughty però ma setgħu qatt jinkwetaw lil Depiro li rebħu l-partita 86-61 u issa jistennew lil finalisti għal finali li tibda nhar Il-Ħadd li ġej fit-14:45.

Alyssa Ashley Loyola: P. Montanaro, L. Pace, J. Doughty 11, M. Gatt, D.Said Hollier 3, K. Tonna 6, A. Bonanno 2, J. Mangion, A, Sciberras 4, B. Thomas 35, F. Camilleri

Depiro: A. Mifsud 4, G. Mifsud 3, F. Biancho 4, S. Brincat 7, M. Bonnett 6, S. De Martino 27, M. Mifsud, M. Scicluna, L. Belcher 32, S. Micallef 2, B. Zammit 1.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Clive Terribile.





Leave a comment