Pavi Depiro champions taħt id-dsatax –il sena

Sunday, March 31, 2013, 15:57

KAMPJONAT TA’ TAĦT ID-19 SENA TFAJLIET

minn Colin Schembri

Hibernians 35

Pavi Depiro 51

(6-13)(7-7)(15-17)(7-14)

Kampjonat ieħor li ntrebaħ mil-kategoriji tal-juniors kien dak ta’ taħt id-dsatax –il sena tat-tfajliet. Hawn l-unur mar għand Pavi Depiro li għelbu lil Hibs fil-finali 51-35.Id-distakk fil-finali kien ikbar minn dak taż-żewġ semi-finali li saru jumejn qabel. Fil-fatt biex waslu sal-finali, Hibs għelbu lil Athleta 42-41 fil-waqt li Depiro eleminaw lil Luxol 35-31. Iż-żewġ timjiet għandhom players li diġa jimmilitaw fil-kampjonat nazzjonali bid-Depiro jkunu aktar qawwija bil-preżenza tal-aħwa Mifsud Andrea, Gaby u Martina, Maria Bonett u Martina Scicluna. Hibs għandhom lil Julia Scerri u Francesca Mifsud. Depiro kellhom bidu qawwi u bil-punti ta’ Scicluna u Gaby Mifsud marru 11-2 minn fuq. Hibs wieġbu bil-punti ta’ Naomi Farrugia u Mifsud bid-Depiro jagħlqu l-perjodu b’basket ta’ Nicole Agius għal skor ta’ 13-6.Fit-tieni sessjoni l-punti naqsu fuq iż-żewġ naħat. Wara basket minn Iona Agius għal Hibs, kien hemm basket ta’ Agius u trippla ta’ Gaby Mifsud għal Depiro biex fetħu vantaġġ b’figuri doppji 18-8. Hawn Hibs għamlu sitt punti oħra qabel ma basket ta’ Scicluna għalaq is-sessjoni għal skor ta’ 20-13.

Wara l-intervall Depiro komplew iżidu l-vantaġġ bil-punti ta’ Andrea u Martina Mifsud. Hibs wieġbu b’baskets ta’ Daniela Cassar u Scerri però Depiro kellhom run ta’ 9-0 bi trippla oħra ta’ Gaby Mifsud. Hibs għalqu l-perjodu b’basket ta’ Mifsud u trippla ta’ Scerri però Depiro żammew il-vantaġġ 37-28. Depiro għamlu wkoll l-ewwel sitt punti tal-aħħar taqsima minn Andrea u Gaby Mifsud flimkien ma’ l-ewwel basket ta’ Bonett. Ir-risposta ta’ Hibs ġiet minn trippla ta’ Cassar qabel ma Depiro għalqu l-perjodu bi break ieħor ta’ 7-2 biex rebħu l-partita 51-35 u l-kampjonat. Fi tmiem il-partita Depiro ġew preżentati bit-trofew ta’ champions minn għand is-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat.

Hibs: R. Vella, J. Scerri 7, I. Agius 7, F. Mifsud 8, Y. Abela 2, D. Cassar 9, N. Farrugia 2, X. Abela.

Pavi Depiro: A. Mifsud 14, G. Mifsud 19, N. Agius 5, M. Bonett 4, M. Mifsud, M. Scicluna 10, A. D’Anastasi, D. Sammut, R. Calleja

Referees: Brian Sly, Jacques Abeng





Leave a comment